Il-Kamra Għawdxija tal-Kummerċ u l-Assoċċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu f’stqarrija konġunta nnutaw b’sodisfazzjoni iskema tal-Gvern li ser tiggarantixxi sussidju qawwi ta’ 2.5% fuq interessi ta’ self li jieħdu n-negozji.
L-istqarrija qalet kif din l-inizjattiva ser tkompli tassigura li l-ekonomija Maltija tkampa mas-sitwazzjoni preżenti kawża tal-COVID-19. Dan filwaqt li tgħin lill-ekonomija terġa’ fuq saqajha malli tgħaddi din il-maltempata minn fuqna.
Iż-żewġ imsieħba soċjali temmew b’appell mal-banek lokali sabiex jerfgħu huma wkoll ir-responsabbiltà u jimplimentaw dawn l-inizjattivi b’rati baxxi. Huma ssuġġerew ukoll li jitneħħew spejjeż ta’ arranġament sabiex ikun assigurat aċċessibilità għal din il-miżura.