L-organizzazzjoni Din l-Art Ħelwa rrapportat titjib sinifikanti fil-proġett tax-xogħlijiet fi Triq Marsalforn, Għawdex, li se tkun qed ittejjeb il-konġestjonijiet fir-Rabat u allura tnaqqas ukoll it-tniġġis mill-qalba tal-gżira.
Stqarrija mill-NGO indikat kif il-Ministeru għal Għawdex, li hu resposabbli mill-proġett, ressaq pjanti ġodda li se jfissru li ferm inqas siġar maturi se jkollhom jinqalgħu u tliet mija oħrajn ġodda li se jkunu qed jiżdiedu, waqt li s-centre strips eżistenti kkaratterizzati minn ringieli ta’ siġar maturi se jibqgħu hemm.
Minbarra hekk, l-applikazzjoni l-ġdida ta’ żvilupp ukoll se tnaqqas iż-żona li se tkun qed tkopri t-triq, b’aktar minn ħamest elef metru kwadru ta’ art esproprjata issa se tibqa’ fl-istat naturali tagħha.
Din l-Art Ħelwa u l-fergħa Għawdxija tagħha esprimew is-sodisfazzjon li, grazzi għal taħditiet fit-tul mal-Ministeru, waslu għal kompromess ġustifikat għaż-żewġ naħat bl-inqas impatt ambjentali.