L-Għaqda Ambjentali Din l-Art Ħelwa Għawdex kellha kliem pożittiv għall-mod kif il-Ministeru għal Għawdex iddiskuta magħha l-proġett tat-triq ta’ Marsalforn u qalet li fid-dawl ta’ diskussjonijiet li hemm għaddejjin mhux se tressaq appell tal-ippjanar.
Dan għax temmen li hemm impenn biex ikunu indirizzati wħud mill-kwistjonijiet ewlenin.
Fi stqarrija, Din l-Art Ħelwa rreferiet għal diskussjonijiet mal-Ministru għal-Għawdex Clint Camilleri u uffiċjali oħra, fejn il-Ministru Camilleri ta l-impenn tiegħu li jikkunsidra proposti ta’ Din l-Art Ħelwa biex jitnaqqas l-impatt ambjentali ta’ din it-triq li fost oħrajn hi meħtieġa bħala parti minn pjan usa’ biex jonqos it-traffiku mill-qalba tar-Rabat.
Ma’ ONE News, il-President ta’ Din l-Art Ħelwa, Alex Torpiano, wera l-apprezzament għall-Ministru u t-tim tekniku tiegħu għal mod kostruttiv kif qed ifittex soluzzjonijiet aħjar mal-imsieħba biex jassigura li l-proġett isir bl-inqas impatt ambjentali.
Huwa stqarr: “Il-Ministru meta sema’ bihom avviċinana u talabna biex inkellmuh biex naraw x’inhu l-inkwiet tagħna, għamilna sessjoni miegħu u mbagħad daħħal in-nies tekniċi u l-idea kienet illi waqt li napprezzaw il-bżonn tal-bypass inħarsu lejn dawk l-affarijiet illi jtellfu mill-valur pajsaġġ tat-triq. Il-Ministru fehemha mill-ewwel din u ta indikazzjoni lin-nies tekniċi biex kemm jista’ jkun jipprovaw, aħna li ħarsina l-iżjed eżempju s-siġar li hemm fis-central strip jibqgħu hemmhekk.”
Sussegwentament, Din l-Art Ħelwa qalet li se toqgħod lura milli ddaħħal appell tal-ippjanar u tenniet li hemm laqgħat oħra li huma skedati.