L-għaqda ambjentali Din l-Art Ħelwa appellat lill-Partit Nazzjonalista biex jieħu pożizzjoni fuq il-pjani li hemm b’rabta mal-iżvilupp f’Forti Chambray f’Għawdex.
Dan wara li, b’konformità mal-permess approvat fl-2012, il-Bord tal-Ippjanar fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar, ta permess biex il-parti t’isfel ta’ barracks ta’ żmien l-Ingliżi jiżżarmaw mill-fortifikazzjoni tal-Kavallieri u, minflok, terġa’ tinbena f’parti oħra hekk kif il-proġett se jgħaddi għall-fażi finali tax-xogħlijiet.
Fi stqarrija, Din l-Art Ħelwa wkoll innotat kif il-permess fuq Forti Chambray ħareġ aktar minn 12-il sena ilu meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-Gvern, iżda sal-lum għadu ma ħax pożizzjoni uffiċjali.
Ta’ min ifakkar li, fl-aħħar jiem, is-Sindku attwali Nazzjonalista ta’ Għajnsielem, Kevin Cauchi, tenna li l-qbil tal-Kunsill għal dan l-iżvilupp kien l-aħjar għażla. Cauchi ċċara li l-barracks mhux se jkun qed jinqered, imma se jinħatt u jerġa’ jinbena kif inhu f’post differenti.