Din l-Art Ħelwa wkoll hi favur triq ġdida li tneħħi t-traffiku miċ-ċentru tar-Rabat, Għawdex. Iddikjara dan Patrick Calleja, f’isem l-NGO, meta kien qed jitkellem mal-Malta Independent.
Triq Ġorg Pisani hi triq ġdida maħsuba biex tnaqqas it-traffiku mill-qalba tar-Rabat u l-Partit Nazzjonalista kien ħareġ kontra tagħha anke jekk is-Sindku tiegħu vvota favur fil-bord tal-ippjanar.
Issa anke Din l-Art Ħelwa ddikjarat pożizzjoni favur il-bżonn ta’ din it-triq li x-xogħol fuqha mistenni jibda fil-jiem li ġejjin.
“Qbilna mill-idea li nevitaw ir-Rabat, biex nnaqqsu t-traffiku miċ-ċentru,” kien iddikjarat mal-Independent f’artiklu li fih saru wkoll domandi dwar it-triq ta’ Marsalforn. Din it-triq li teħtieġ xogħol fuqha minħabba sigurtà, qiegħda f’kontroversja, għax l-organizazzjoni Rota u Din l-Art Ħelwa qed jgħidu li mhux meħtieġ li jkun hemm bicycle lane li minħabba fiha jkollhom jiġu rilokati numru ta’ siġar. Dwar dan għaddejjin laqgħat ukoll mal-Ministeru għal Għawdex.
Fl-istess ħin Din l-Art Ħelwa rrikonoxxiet li hemm interventi minħabba sigurtà li għandhom isiru.
Sadanittant, is-Sindku tal-Kunsill Lokali tar-Rabat, Għawdex, ivvota favur dan il-proġett fl-istadju tal-ippjanar u tkellem kif il-Kunsill b’maġġoranza Nazzjonalista fir-Rabat jifhem il-kontribut li se jagħti dan il-proġett.
Josef Schembri, is-Sindku, qal fil-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar li t-triq, li ilha skedata li ssir, se jkollha impatt sostanzjali fuq il-lokalità li jmexxi, għax se tnaqqas it-traffiku miċ-ċentru tal-lokalità, tnaqqas it-tniġġis kif ukoll il-konġestjoni tat-traffiku.
“Għalhekk il-Kunsill Lokali jaqbel ma’ din il-proposta,” iddikjara s-Sindku.
Ix-xogħol se jibda minn Triq Ġorġ Pisani u, għal darb’oħra, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg, fuq Facebook kien irrikorra għall-gideb u qal li se jkun hemm erba’ karreġġjati. Dan meta kemm Triq Ġorg Pisani kif ukoll it-Triq ta’ Marsalforn se jkollhom biss żewġ karreġġjati.