“Din kienet esperjenza trawmatika għall-familja ta’ Karen.” Dan kien kliem Kevin Bonello, il-President tal-MUT dwar Karen Mercieca u l-każ tagħha relatat ma’ abbuż ta’ studenti b’diffikultajiet fit-tagħlim.
Liema każ li l-Qorti tal-Appelli, ħelset minn kull akkuża lil LSA u għalhekk nstabet mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontriha. Hija kienet diġà nstabet mhux ħatja fl-2015, bl-akkużi jkunu li l-għalliema ta’ 35 sena mill-Qala abbużat minn studenta ta’ 11-il sena.
Bonello stqarr li din hija tagħlima għall-pajjiż kollhu, li minkejja l-alegazzjonijiet li jsiru, l-persuna akkużata mhux dejjem tkun ħatja. Hawnhekk għamel referenza għall-każ tal-għalliem tal-iskola fil-Ħamrun, li dwaru nstema’ ħafna fil-midja, u li wara dan il-każ il-Pulizija qed taħdem b’mod kawt u professjonali ħafna fl-investigazzjoni tagħha
Karen, kienet akkużata wkoll b’attakk indiċenti jew vjolenti fuq l-istudenta u li offendiet il-morali pubbliċi waqt ħidmietha l-iskola primarja ta’ Għajnsielem. Kien sar rapport minn żewġ membri tal-APPOĠĠ li kienu tkellmu ma’ dik li kellha tkun il-vittma. L-għalliema kienet ċaħdet l-akkużi mill-bidu nett, u filfatt kien instab li l-verżjonijiet tat-tifla kienu inkonsistenti. Wara li nħelset mill-akkużi, appella l-Avukat Ġenerali.
Il-Malta Union of Teachers (MUT) innotat b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Qorti u rringrazzjat lil dawk kollha u wrew l-appoġġ tagħhom. Qalet li l-pass il jmiss huwa li l-għalliema tintegra ruħha mill-ġdid u tingħata kumpens għall-pagi kollha li tilfet dawn l-aħħar ħames snin.