Tarbija ta’ tmin xhur, li nstabet mejta fil-kamra tas-sodda t’ ommha f’ċirkostanzi strambi, kellha traċċi ta’ kokaina, ekstasi u kannabis f’xagħra. Le’veah Herbert waqgħat mis-sodda wara li ommha, Shannon Whittaker, ġabitha ħdejha fl-erbgħa ta’ filgħodu. Dan wara li kienet xorbot l-inbid u l-brandy u pejpet il-kannabis ma’ xi ġirien. L-omm, li dak iż-żmien kellha 18-il sena, qamet fis-siegħa ta’ wara nofsinhar u sabet lit-tifla bla ħajja taħt borża taż-żibel sewda, mimija bi ħwejjeġ għall-ħasil.It-tifla ttieħdet l-isptar ta’ Royal Manchester, fejn ġiet iċċertifikata mejta.
Il-Pulizija sabet ammont ta’ droga differenti fis-salott tal-familja, imma stabilixxiet li me kien hemm ebda rabta bejn it-teħid ta’ droga u l-mewt tat-tifla, allura ma ttieħdux passi fil-konfront tal-ġenituri. Iż-żewġ ġenituri kienu interrogati dwar it-traġedja. Meta l-każ kien qed jinstema’ l-Qorti, l-omm li llum għandha 21 sena bkiet mill-qalb. L-omm u l-bint kienu magħrufa mas-servizzi soċjali iżda uffiċjali qalu li Le’veah kienet miżmuma tajjeb ħafna u ommha kienet saret eżempju għall-ommijiet żgħażagħ kollha.