Għat-tmien sena konsekuttiva, l-id amministrattiva tal-Gvern ħejjiet id-dokument “It-Twettiq tal-Budget”, biex tagħti rendikont tat-twettiq tal-miżuri tal-budget għal din is-sena.
Din is-sena, twettqu tliet mija u erbgħa u sittin miżura, li jinkludu miżuri mill-budget għall-elfejn u wieħed u għoxrin kif ukoll mija u disgħa u ħamsin miżura oħra li fis-sena tagħhom kienu fi stadju ta’ twettiq u twettqu din is-sena.
B’hekk, ir-rata ta’ twettiq għall-elfejn u wieħed u għoxrin hija ta’ disgħa u sebgħin fil-mija, li tfisser sebgħa fil-mija aqwa mill-medja perċentwali f’dawn l-aħħar tmien snin.
Fl-aħħar tmien snin, is-Servizz Pubbliku wettaq b’kollox elf, disa’ mija u sebgħin miżura tal-budget.
Għat-tieni sena, kull miżura saret id f’id mal-miri tal-iżvilupp sostenibbli tal-Ġnus Magħquda. Malta tinsab fit-tlieta u tletin post fost mija u ħamsa u sittin pajjiż f’dan il-qasam.
Fil-budget għas-sena elfejn u wieħed u għoxrin, kważi nofs il-miżuri kollha, disgħa u erbgħin fil-mija, kienu miżuri soċjali. Sitta u għoxrin fil-mija oħra kienu miżuri ambjentali u ħamsa u għoxrin fil-mija, indirizzaw il-ħtiġijiet ekonomiċi.
F’konferenza tal-aħbarijiet fejn ingħataw dawn id-dettalji, il-Kap taċ-Ċivil, Mario Cutajar elenka diversi wegħdiet imwettqa fl-aħħar xhur, fosthom l-internet b’xejn għall-istudenti li jkomplu jistudjaw wara s-sekondarja, l-estensjoni tal-proġett tal-Pulizija fil-Komunità, il-fast ferry bejn Malta u Għawdex, l-immodernizzar taċ-Ċentri tas-Saħħa u d-diversi skemi biex aktar nies isiru sidien ta’ darhom.
Spjega wkoll kif tibqa’ għaddejja ħidma fuq proġetti li jkunu tħabbru snin qabel: “Kull sena naraw li nkunu qed inżommu mal-pjan sakemm il-pjan jitwettaq. Pereżempju waħda mill-affarijiet kienet it-tneħħija tal-impjanti tal-fjuwil ta’ Birżebbuġa, is-Central Link, il-bini ta’ skola fil-Qawra. Dawk miżuri li jieħdu ferm iktar minn sena u allura jibqgħu jiġu carried forward minn sena għall-oħra.”
Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Caruana spjega l-importanza tas-suq tax-xogħol u l-ekonomija, ġimgħa bogħod mill-preżentazzjoni tal-budget għas-sena d-dieħla.
Qal li l-miżuri li se jiġu ppreżentati ma jkunux jistgħu jseħħu kieku r-rota ma tibqax iddur: “Jekk is-suq tax-xogħol ikun b’saħħtu, iktar kemm ikollok nies li qegħdin jaħdmu bi qligħ, iktar dawk in-nies ħa jkunu qegħdin jaqilgħu dħul. Minn dak id-dħul, ħa jkunu qed iħallsu t-taxxi. Minn dawk it-taxxi u l-infiq li jagħmlu, sintendi ħa tkompli ddur ir-rota ekonomika u għaldaqstant, il-Gvern ikun jista’ jdaħħal iktar tassazzjoni mingħajr ma jżid il-piż jew ir-rati tagħha u għaldaqstant, dak id-dħul li jkollu l-Gvern, ikun jista’ jerġa’ jonfqu għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.”