Fl-2022 twettqu 324 miżura tal-Budget biex b’hekk ir-rata ta twettiq għal din is-sena laħqet is-77%. 4% iktar mir-rata medja ta’ twettiq fl-aħħar disa snin.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet ġewwa l-binja tal-Borża ta’ Malta mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana permezz tal-pubblikazzjoni ‘It-Twettiq tal-Budget 2022,’ li tagħti rendikont tat-twettiq tal-miżuri tal-budget għal din is-sena.
Huwa spjega li t-324 miżura li twettqu jolqtu maġġorment il-miżuri tal-Budget li tħabbar is-sena li għaddiet għal din is-sena. Din iċ-ċifra tinkludi wkoll miżuri ta’ Budgets preċedeni li kienu pendenti.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni elenka wkoll wħud mill-miżuri li twettqu.
Dawn jinkludu ċentri tas-saħħa ġodda fil-ħamrun, f’Wied il-Għajn u f’Ħal Tarxien, aktar mediċini b’xejn, spazji ħodor ġodda, żieda fl-istipendji ta’ 10% għal 15,000 student, trasport pubbliku b’xejn u ħafna iktar.
Il-Kap taċ-Ċivil, spjega wkoll li din ir-rata ta’ twettiq mill-aqwa trid tittieħed f’kuntest ta’ sfidi internazzjonali li xekklu mhux ftit il-ħidma governattiva ta’ ħafna pajjiżi u żieda l-piż fuq popolazzjonijet ewropej.
Fil-fatt, dwar dan tkellem il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana hekk kif fost oħrajn aċċenna għall-aħbar li ħarġet propju llum, li l-konsumaturi taljani ser ikunu qed iħallsu madwar €4,700 fis-sena f’kontijiet tal-enerġija.
Il-Ministru Clyde Caruana rrimarka d-differenza għal pajjiżna hekk kif sostna li l-Gvern Malti refa’ l-piżijiet sabiex mhux biss għen il-poplu Malti kollhu iżda proteġa l-ekonomija ta’ pajjiżna, biex b’hekk setgħet tinkiseb din ir-rata ta’ twettiq fil-miżuri tal-Budget.
Dwar it-tieni mekkaniżmu tal-COLA, il-Ministru għall-Finanzi ħabbar li huwa stmat li ser ikun hemm 80,000 ruħ jew 37,000 dar li se jkunu qed jibbenefikaw minn dan il-mekkaniżmu.
Il-Ministru Clyde Caruana fakkar li dan il-mekkaniżmu huwa l-aktar intenzjonat fi kliem il-unjins, li jipproteġi lil dawk li l-aktar huwa vulnerabbli.