L-organizzaturi tal-Eurovision Song Contest rtiraw wieħed minn erba’ pjanijiet għall-avveniment ta’ din is-sena, li l-istazzjonijiet Olandiżi NPO, NOS u AVROTROS saħqu li se jsir żgur.
“Il-Eurovision Song Contest se jsir fit-18, l-20 u t-22 ta’ Mejju iżda f’ċirkostanzi differenti u ma nafux fiċ-ċert jekk hux se jkollna udjenza żgħira li żżomm id-distanza soċjali jew le”, spjega Martin Österdahl mill-EBU.
Ix-xenarju li l-festival jittella’ bħas-soltu b’sala mimlija nies tneħħa mill-pjanijiet tal-organizzaturi u l-ħsieb huwa li jkun forsi xi ftit nies preżenti fejn tinżamm distanza ta’ metru u nofs bejniethom.
Ix-xewqa tal-organizzaturi hija li kull kantant ikanta fuq l-istess palk f’Rotterdam.
Is-sena l-oħra l-Eurovision Song Contest tħassar riżultat tal-pandemija u minflok ittellgħet serata fejn uriet aspetti differenti ta’ dan il-festival.
In-nies li xtraw il-biljetti għal dan l-avveniment se jingħataw rifużjoni u opportunità biex jekk ikun hemm udjenza jkunu minn tal-ewwel li jerġgħu jixtru l-biljetti.
Malta se tkun rappreżentata minn Destiny Chukunyere b’kanzunetta li għad trid titħabbar.