Matul din is-sena l-Malta Public Transport se tkun qed tinvesti f’aktar karozzi tal-linja. Dan tħabbar miċ-chairman tal-Malta Public Transport Felipe Cosmen fl-okkażjoni tat-tieni sena anniversarju mill-bidu tal-operat f’Malta.
Fuq mhedda ta’ sentejn, kienu 83 miljun passiġġier li użaw is-servizzi tal-Malta Public Transport, figuri li fi kliem iċ-chairman juru żieda ta’ 15% fin-numru ta’ passiġġieri li użaw tal-linja fl-2016 meta kkumparat mal-2015.
Il-Malta Public Transport stqarret li minkejja fl-ewwel sentejn tal-operat tagħha kellha numru ta’ sfidi, llum il-pubbliku qed igawdi minn titjib sinifikanti fl-operat, hekk kif stħarriġ li sar juri li 95% tal-vjaġġi qed iżommu mal-ħin.
80% ta’ dawk li jużaw tal-linja qed jagħmlu użu ukoll mit-tallinja card filwaqt li aktar minn 100,000 passiġġier qed jagħmlu użu mit-tallinja APP biex jiċċekkjaw il-ħin tal-vjaġġi tagħhom. Cosmen spjega li l-kumpanija għandha aktar minn 700 ħaddiem li bi ftehim ġdid qed igawdi minn kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar.