Sal-aħħar ta’ din is-sena grupp ta’ persuni b’diżabilità se jkunu qed jibdew jgħixu l-ħajja indipendenti f’żewġt idjar fil-komunità taż-Żurrieq u l-Qrendi. Dan hekk kif waslu fi tmiemhom ix-xogħlijiet f’dawn ir-residenzi li l-investiment għalihom jammonta għal aktar minn miljun u sitt mitt elf ewro.
Ħabbret dan il-Ministru għall-Inklużjoni u Kwalità ta’ Ħajja Julia Farrugia Portelli fl-istess waqt li kienet qed tispjega il-ħidma sfieqa ta’ Gvern Laburista fil-qasam tad-diżabilità fis-snin li għaddew.
Il-Ministru Farrugia Portelli stqarret, “Importanti li nkompli ninvesti sisien b’saħħithom li mhux kull tifel u tifla jista’ jkollu l-kunċett li jibqa’ jgħix fil-familja tiegħu u għaldaqsant il-Gvern ħa ħsieb li tul is-snin jinvesti fid-djar li jkunu fil-komunità. Djar li jkunu fuq kunċett ta’ persuni b’diżabilità jgħixu flimkien fil-qalbha tal-lokal u hemmek ikunu jistgħu jingħataw dawk il-ħiliet importanti li wieħed ikun jista’ jieħu fil-ħajja ta’ kuljum.”
Fid-djar qed isir investiment biex dawn ikollhom l-aqwa u l-aħħar teknoloġija jiġifieri jinkorporaw strutturi u sistemi teknoloġiċi li jiffaċilitaw l-aċċessibilità għal persuni b’diżabilità.
Apparti dan, għaddej ukoll xogħol fuq residenza oħra f’Ħal Kirkop b’investiment ta’ madwar miljun u mitt elf ewro, li eventwalment se tilqa’ fiha persuni b’diżabilità differenti biex jgħixu b’mod indipendenti.