Il-Gvern ħabbar investiment massiċċ ta’ żewġ miljuni u nofs ewro għar-riġenerazzjoni ta’ erbgħin blokka t’akkomodazzjoni soċjali matul din is-sena.
F’konferenza tal-aħbarijiet miż-żona ta’ Farsina li wkoll gawdiet minn dawra tajba, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal li b’dan l-aħħar investiment, mill-bidu tal-leġiżlatura, il-Gvern se jkun investa madwar tnax-il miljun ewro f’riġenerazzjoni ta’ postijiet t’akkomodazzjoni soċjali.
Qal li b’dan l-investiment se jkunu gawdew elf seba’ mija u sittin familja.
L-erbgħin blokka li se jiġu riġenerati huma f’Santa Luċija, San Ġwann, Ħaż-Żebbuġ, il-Birgu, Ħal Luqa u Ħal Qormi.
Ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni u rinovar se jiffukaw fuq il-faċċati, fuq is-soqfa u f’partijiet tal-komun.
Qal, “Aħna ħa nkomplu għaddejjin biex anke il-proġetti li jmiss issa nolqtu mal-erba’ mija u ħamsin familja oħra. Investiment ta’ żewġ miljuni u nofs li minnhom ukoll ħa jkun hemm diversi blokkok oħra madwar il-pajjiż li ħa jiġu riġenerati u anke jkun hemm xogħol fihom li jkun qed jolqot mhux biss l-aspett attiv tan-nies imma finalment ukoll jagħti dehra aħjar lil pajjiżna.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid McKay saħaq li l-ambjent fejn ngħixu jaffettwa d-dinjità tal-persuna u għalhekk huwa importanti li jsir dan ix-xogħol ta’ manutenzjoni.
Spjega, “U allura l-Awtorità x-xogħol tagħha ma jieqafx biss b’riġenerazzjoni ta’ dawn il-blokkok imma wkoll li tikkollabora ma’ Kunsilli Lokali biex issebbaħ il-komun, li tikkollabora wkoll mal-istess persuni sabiex huma wkoll jieħdu ħsieb il-parti komuni għaliex nemmnu li huwa importanti li tibni binjiet ġodda imma huwa importanti wkoll li tieħu ħsieb dak li għandek.”