Din is-sena, mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mistennija jgħaddu sitt miljun u tliet mitt elf passiġġier. Dan se jfisser irkupru ta’ sitta u tmenin fil-mija tat-traffiku ta’ qabel il-pandemija.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, li fiha ntqal li s-sena li għaddiet għaddew mill-ajruport ħames miljun u tmien mitt elf passiġġier.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport, Alan Borg, qal in-numri tas-sena li għaddiet kienu d-doppju tas-sena ta’ qabel, jiġifieri l-2021.
Intqal ukoll li r-raba’ kwart tas-sena, jiġifieri bejn Ottubru u Diċembru, kien l-akbar b’saħħtu fis-sens ta’ rkupru mill-pandemija. Dan hekk kif fix-xhur ta’ Novembru u Diċembru, l-irkupru kien ta’ 88 fil-mija.
L-akbar ħames swieq għall-ajruport Malti fl-2022 kienu l-Italja u r-Renju Unit – li t-tnejn li huma qabżu l-miljun passiġġier, u mbagħad isegwu Franza, il-Ġermanja, u l-Polonja.
L-aktar ajruporti li fihom marru passiġġiera mill-ajruport Malti kienu dawk ta’ Gatwick, ta’ Katanja, u ta’ Frankfurt.
L-aktar linji tal-ajru li taru mill-ajruport Malti kienu r-Ryanair, l-Air Malta, u wara l-Lufthansa. Ir-Ryanair kellu 45 fil-mija tas-suq, waqt li l-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta, kellha 26 fil-mija tas-suq.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għat-Turiżmu, Carlo Micallef, qal li qed ikun stmat li s-sena li għaddiet ġew f’pajjiżna żewġ miljun u tliet mitt elf turist.
Micallef qal li dan jaqbeż in-numri li kienu stmati fil-bidu tas-sena li għaddiet; fil-fatt kien stmat li kienu se jiġu 1.8 miljun turist.
Qal, “Fil-fatt, fil-bidu tas-sena, konna qed naħsbu li nimmiraw għal 1.8 miljun turist. Aħna issa qegħdin naraw illi, meta l-NSO iħabbru l-figuri tagħhom, jagħmlu l-istatistika tagħhom fi Frar inkunu viċin it-2.3 miljun turist li żaru pajjiżna s-sena li għaddiet. Għas-sena li ġejja nibqgħu naħdmu, naraw u nippruvaw dejjem intejbu n-numru ta’ turiżmu lejn pajjiżna, id-dħul mit-turiżmu, dejjem naraw li nġibu t-turist is-sena kollha, ħalli l-industrija tat-turiżmu tibqa’ profittabbli u tkompli tikber.”