Il-WasteServ qabżet l-ammont ta’ skart riċiklat li kien immirat għal din is-sena, biex b’hekk kisret ir-rekord tal-ammont ta’ skart riċiklat f’sena, hekk kif ġew riċiklati dsatax -il elf tunnellata ta’ materjal riċiklabbli.
Il-mira għal din is-sena kienet ta’ elf tunnellata iżjed u sa qabel tmiem din is-sena r-rekord inqabeż diġà b’elf tunnellata.
Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia sostna li n-numru rekord ta’ skart riċiklat huwa wieħed inkoraġġanti, hekk kif huwa prova tal-ħidma bla waqfien tal-WasteServ, kif ukoll li l-poplu qiegħed jagħmel aktar sforz biex jirriċikla.
Huwa sostna wkoll li dan l-iskart huwa riżorsa, li jista’ jinbiegħ fi swieq internazzjonali.
Il-Ministru Farrugia żied jgħid li din il-ħidma hija biss parti mill-ħidma ikbar bil-mira ta’ sostennibilità aktar wiesa’.
Il-Ministru Farrugia saħaq li “issa jfisser ukoll li l-pjan inkomplu natwawh bil-long term waste management plan tal-pajjiż imma wkoll l-investiment ta’ nofs biljun ewro tal-ECOHIVE li flimkien iwassluna lejn orizzonti ġodda.”
Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ, Richard Bilocca rringrazzja lill-ħaddiema fi ħdan WasteServ u anke l-Maltin u l-Għawdxin li kkontribwixxew għal dan ir-rekord, hekk kif dan ikompli jimla l-ħaddiema b’kuraġġ għall-ħidma tagħhom.
Bilocca għamel ukoll appell lill-pubbliku, sabiex maż-żmien dan ir-rekord jerġa’ jinqabeż.
“It-tieni ħsieb huwa li ninkoraġixxu lin-nies biex jagħmlu sforz ikbar, ħalli jkompli jidħol materjal aħjar fil-faċilitajiet tal-Wasteserv, materjal nadif. Niftakru li dal-materjal jiġi proċessat mill-ħaddiema tagħna, allura meta nimlew il-boroż irridu nimlewhom b’rispett.”