Fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena l-ammont ta’ benefiċċji soċjali żdiedu b’€20.5 miljun meta maqbbla mal-2015. Il-benefiċċji laħqu is-€668.5 miljun, li jirrifletti żieda ta’ 3.2% fuq sena qabel.
Fost l-iktar żidiet sinnifikanti hemm dik fil-pensjoni tal-irtirar; żieda ta’ €26.4. It-tieni l-aktar żieda sinnifikanti kienet €4 miljun, irreġistrata fil-pensjoni tar-romol.
L-għajnuna għall-aktar vulnerabbli se tkompli, bil-baġit għas-sena d-dieħla jara pakkett ta’ għoxrin miżura specifikament għall pensjonanti, minbarra miżuri oħra li se jolqtuhom indirettament. Kien l-ewwel baġit li b’mod effettiv, kemm b’miżuri kbar u anke b’oħrajn iżgħar, se jolqot lill-anzjani fil-laħam il-ħaj. Il-pakkett kollu, inkluż bil-greviances jaqbeż l-€20 miljun ewro.
Fil-baġit li għadda żdiedet il-pensjoni minima għal €140 fil- ġimgħa għal eluf ta’ pensjonanti. Il-Gvern b’hekk irnexxielu jagħmel dak li ma għamilx dak ta’ qablu għal bosta snin. Pensjonanti miżżewġa fuq pensjoni waħda u minima raw żieda ta’ €4.15 fil-ġimgħa.
Minn Jannar li ġej, se tingħata żieda oħra ta’ €4 fil-ġimgħa (jew €208 fis-sena). Din iż-żieda se titħallas pro-rata ukoll lil min għandu l-pensjoni tiegħu ftit ogħla mill-pensjoni minima.
Iż-żieda mħabbra se titħallas ukoll lill-pensjonanti miżżewġin li jieħdu l-pensjoni tal-età. Minn din il-miżura se jibbenefikaw madwar 2,500 pensjonanti miżżewġin.