Din is-sena l-ekonomija Maltija mistennija tikber b’6%.
Dan skont rapport tal-Bank Ċentrali ta’ Malta li wera wkoll kif fis-sentejn li ġejjin, l-ekonomija Maltija mistennija tkompli tikber ukoll.
L-esperti tal-Bank Ċentrali sostnew li d-domanda domestika hi mistennija li tkun l-istimolu ewlieni ta’ tkabbir ekonomiku.
Issemma li t-tkabbir fl-impjiegi mistenni li jaċċellera għal 2.6% fl-2022 fid-dawl tat-tkabbir kontinwu fl-attività ekonomika.
Ir-rapport tal-Bank Ċentrali jgħid ukoll li l-esportazzjoni netta mistennija li tikkontribwixxi b’mod b’saħħtu din is-sena, hekk kif l-esportazzjoni taċċellera, filwaqt li l-importazzjoni mistennija tikber b’ritmu inqas.
L-esperti ekonomiċi nnutaw li se jkun hemm kontribut qawwi tal-esportazzjoni netta minħabba n-normalizzazzjoni gradwali tal-attività fit-turiżmu u t-tkabbir kontinwu fid-domanda minn barra.
F’aġġornament ekonomiku ieħor pożittiv, il-Bank Ċentrali qal li d-defiċit tal-Gvern mistenni li jonqos sostanzjalment.
Intqal kif sa sentejn oħra, il-proporzjon tad-dejn tal-Gvern imqabbel mal-prodott domestiku gross mistenni li jkun fil-livell ta’ 60.9%.
Fl-2011, fi kriżi finanzjarja ferm iżgħar mill-pandemija, taħt GonziPN, id-dejn imqabbel mal-prodott domestiku gross kien ilaħħaq is-70.2%.
Li jfisser kważi 10% iżjed minn previst għaż-żmien li ġej wara kriżi globali.
Pajjiż bħal Greċja, fl-aħħar xhur kellu dejn ta’ 187.4% imqabbel mal-prodott domestiku gross.
Ir-rapport tal-Bank Ċentrali ta’ Malta jsegwi tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea li wera kif din is-sena stess, l-ekonomija Maltija hija l-aktar waħda li se tikber fost l-istati membri kollha.