L-2022 kienet sena impenjattiva ħafna għall-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali. Matul is-sena salvaw ’il fuq 1,200 qattus kif ukoll 500 mitt kelb mit-toroq Maltin u Għawdxin.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura, u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, spjegat kif il-ħidma ta’ dan id-Dipartiment hija waħda kontinwa u li ma tieqaf qatt. Qalet li matul din is-sena ġew adottati mijiet ta’ klieb u qtates li ġew salvati mill-istess Dipartiment.
Iid-Direttur tad-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali, Patricia Azzopardi, spjegat kif bosta mill-qtates li jiġu salvati mit-toroq wara li ssir telefonata normalment ikunu fi stat ħażin u jingħataw il-kura meħtieġa. Spjegat kif wara li dawn jinġabru, jingħataw il-kura u jiġu msewwija sabiex b’hekk tiġi kkontrollata aħjar il-popolazzjoni tal-qtates.
Hi tenniet l-importanza tal-iċċippjar, kemm tal-klieb iżda anke tal-annimali u kif wieħed għandu jagħżel li jadotta minflok jixtri. Sostniet li meta wieħed jiċċippja l-annimal domestiku tiegħu jkun qed jagħmilha aktar faċli biex, f’każ li jintiliflu, jirritorna għandu f’każ li jinstab minn xi ħadd.