Is-sena 2024 rat tnaqqis qawwi fil-ħsad taż-żebbuġ madwar il-gżejjer Maltin, inkluż is-siġar taż-żebbuġ tal-varjetà lokali tal-Bidni.
Tkellimna ma’ Immanuel Grima, Viċi-Chairperson tal-Bord ta’ Breeds of Origin Conservancy, u produttur taż-żejt tal-Bidni flimkien ma’ missieru Joe Grima, li spjegalna kif l-effetti tat-tibdil fil-klima qed isiru aktar evidenti fil-kultivazzjoni taż-żebbuġ
Qal, “Din kienet sfortunatament waħda mill-agħar snin u fuq statistika li ġbarna aħna bħala familja, kellna tnaqqis ta’ 70% bħala qtugħ taż-żebbuġ mis-snin preċedenti u ovvjament irriflettiet dan in-nuqqas fil-produzzjoni ta’ din is-sena u dan in-nuqqas aħna naħsbu li huwa minħabba l-klima.”
Huwa spjega kif minbarra li Malta esperjenzat nuqqas ta’ xita, kellna sena sħuna ħafna u għalhekk is-siġar wara l-qtugħ taż-żebbuġ tas-sena l-oħra ma kellhomx ċans jistrieħu.
Spjega wkoll kif ir-riħ qawwi u maltempati fl-aħħar ta’ April waqqgħu ħafna fjuri taż-żebbuġ li kieku ma waqgħux kienu jsiru żebbuġ.
Missieru Joe Grima, spjegalna kif iż-żejt li toffri s-siġra tal-Bidni, minkejja li tatik ftit, il-kwalità huwa fost l-aqwa tant li anke kisbu premju prestiġġjuż f’kompetizzjoni internazzjonali taż-żejt taż-żebbuġ.
Spjega kif, “Bħala bidwi twelidt u se mmut fir-raba’, wara li konna nrabbu patata, frawli u ħxejjex oħra bħala bdiewa, qisu minn 30 sena ‘l hawn bdejt ngħejja u ma flaħtx inkompli naħdem u t-tfal xtaqu jagħmluh żebbuġ.”
Intant Immanuel appella dwar l-importanza li nerġgħu lura għal siġar li jkunu indiġeni Maltin.
Appella kif, “Huwa aktar importanti nerġgħu lura għal siġar u varjetajiet u razez li jkunu indiġeni Maltin. It-tibdil fil-klima qed taffettwa anke dawn is-siġar li huma adattati għall-klimi ta’ Malta imma biex ukoll nifhmu kif għalkemm is-siġar huma adattati xorta qed ibatu minn dan it-tibdil tal-klima u allura huwa daqshekk ta’ importanza li nerġgħu lura għal siġar u razez indiġeni Maltin.”
Ritratti meħudin minn: Alan Carville (xellug) | Susannah Mifsud (lemin)