Il-Ħamis il-Parlament Libjan mistenni jaħtar Prim Ministru ġdid, u dan wara li nhar it-Tnejn li għadda u b’mod unanimu, l-istess Parlament ivvota li qabel 14 il-xahar ieħor m’ għandhomx isiru elezzjonijiet sabiex ikunu eletti il-Parlament u President Libjan. Il-politiċi qablu wkoll li l-ewwel ghandu jintlaħaq ftehim fuq il-Kostituzzjoni.
Il-Gvern attwali tal-Prim Ministru Abdul Hanid Dbeibah kien inħatar fil-bidu tas-sena l-oħra bi qbil unanimu bejn il-partijiet kollha iżda minħabba n-nuqqas ta’ qbil bejn il-Parlament ta’ Tobruk u l-Gvern ta’ Tripli, il-Ħamis il-parlament se jiddiskuti l-ħatra ta’ Prim Ministru ġdid mhux elett.
Fi kliem l-Eks Ambaxxatur Malti ghal-Libja Mannie Galea, din l-istrateġija li ttawwal il-perjodu ta’ tranżizzjoni u tista’ twassal għal aktar instabilità fil-pajjiż.
L-elezzjonijiet kienu ppjannati li jsiru f’Diċembru li għadda u kien hemm antiċipazzjoni li jsiru sa Ġunju li ġej. Għal dawn l-elezzjonijiet kien hemm żewġ miljun u tminn mitt elf persuna reġistrati biex jivvutaw.
Waqt li Galea kien qed jipparteċipa fil-programm ONE Breakfast qal li dan juri l-aspirazzjonijiet li għandu l-poplu Libjan sabiex bil-vot tiegħu imexxi l-pajjiżu ’l quddiem.
Galea tenna, “Dan ifisser li l-poplu għandu l-għatx għad-demokrazija u li jkun hemm Gvern b’saħħtu li jmexxi ’l quddiem. Għada l-Parlament beħsiebu jiltaqa’ biex jagħżel Prim Ministru ieħor tranżitorju. Il-kommunità internazzjonali diġà qalet hemm bżonn li jmorru għall-elezzjonijiet u mhux itawwlu bla dati definittivi fejn jittawwal iż-żmien ta’ tranżizzjoni.
Galea spjega li sa mis-sena 2014 ’l hawn kien hemm diga erba’ gvernijiet ta’ tranżizzjoni u jidher li ġejjin battibekki oħrajn.
L-Eks Ambaxxatur Malti stqarr, “Il-Prim Ministru attwali Abdul Hamid Dbeibah għamel stqarrija u qal li huwa lest li jċedi l-poter biss lill-amministrazzjoni li tkun eletta demokratikament. Saħaq li mhux se jkun rikattat mill-Parlament. Huwa semma kif ċerti nies viċin tal-Parlament kienu qed jakkużaw lil xulxin b’terroriżmu.
Galea temm jgħid li hu fl-interess internazzjonali li jkun stabbilit Gvern b’aworità rikonoxxuta minn kulħadd.