Fl-aħħar jiem saret ir-rilokazzjoni ta’ 16-il immigrant ieħor li waslu f’pajjiżna b’mod irregolari. Dan fisser li, mill-bidu ta’ din is-sena, filwaqt li ġew irritornati 115-il immigrant irregolari lejn il-pajjiż tal-oriġinu tagħhom, 60 oħra ġew rilokati lejn pajjiżi oħrajn tal-Unjoni Ewropea.
Dan iwassal għal total ta’ 175 immigrant irregolari, numru li jiżboq sew in-numru ta’ 103 immigrant irregolari li daħlu Malta fl-istess perjodu.
Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, intqal li l-ħidma ta’ rilokazzjoni, permezz tal-Mekkaniżmu Volontarju ta’ Solidarjetà, saret b’kollaborazzjoni mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Immigrazzjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil.
Ġie sostnut ukoll li r-rilokazzjoni hi l-aktar mod effiċjenti kif l-Unjoni Ewropea u l-istati membri jistgħu jnaqqsu l-isfidi li jiġu b’kawża tal-immigrazzjoni irregolari, b’mod partikolari għall-pajjiżi tal-fruntiera, bħal Malta.
Għalhekk, filwaqt li dawk l-immigranti li ħaqqhom protezzjoni jiġu mgħejjuna u jingħataw id-drittijiet kollha tagħhom skont il-liġi, dawk l-immigranti li ma ħaqqhomx protezzjoni jew li jinsabu jgħixu f’Malta b’mod irregolari, jiġu rilokati jew irritornati lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom.
Intqal li ħidmet il-Pulizija tal-Immigrazzjoni, l-Aġenzija għas-Servizzi ta’ Detenzjoni u dipartimenti oħrajn fi ħdan l-istess Ministeru se tkompli tissaħħaħ fit-tħaddim ta’ politika ta’ immigrazzjoni ġusta.