Din is-sena sa issa, saru kważi għaxart elef proċedura fit-Taqsima tal-Endoscopy fl-Isptar Mater Dei.
Waqt żjara li għamel id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne, lill-ħaddiema ta’ din it-Taqsima, tkellimna maċ-Charge Nurse fl-Endoscopy Theatres, Alan Azzopardi.
Huwa spjega l-proċeduri li jsiru f’dan id-Dipartiment, li huma kollha interventi ta’ ġurnata; jiġifieri pazjent imur filgħodu, u sa filgħaxija jerġa’ jkun lura d-dar.
Is-Sur Azzopardi spjega li l-proċeduri li jsiru f’din it-Taqsima huma kollha bl-istrumenti, u jsiru fl-istonku, fil-musrana, fil-bużżieqa tal-pipi, fil-pulmun, fil-fwied u fil-frixa.
Il-pazjenti jiġu riferuti mis-swali jew mit-tobba tal-familja. Filgħodu jmorru fin-naħa tad-Day Care tal-Isptar Mater Dei fejn jiġu rreġistrati u jittieħdu fit-teatru biex issir il-proċedura.
Wara l-intervent, il-pazjent jerġa’ jittieħed fid-Day Care fejn jiġi rikoverat u segwit minn tabib, li jara li jkun f’qagħda tajba biex dakinhar stess, jintbagħat lura d-dar.
“Biex jagħmel dal-istrument, aħna nużaw qishom tubi b’kamera li jkun jista’ jidħol ġol-istonku jew ġol-musrana u t-tabib qed jara l-anatomija tal-musrana u tal-istonku. Minn hemm jista’ jara jekk hemmx xi problemi bħal ulċeri jew xi felul li jistgħu jitneħħew jew jittieħdu biċċiet minnhom fil-laboratorji, u wara dawn ikunu jistgħu jaraw xi treatment jew x’jista’ jsir iktar mill-istrument li għamilna aħna.”
Il-proċeduri jsiru minn tim multidixxiplinarju ta’ professjonisti, li ħafna drabi jkun immexxi minn kirurgu jew speċjalist.
“Grazzi rridu ngħidu lit-tobba u lill-konsulenti li jiġu jagħmlu l-proċeduri hawnhekk għax mingħajrhom kieku l-pazjent ma jkun jaf xejn u ma jkun jista’ jsir xejn, lin-nurses li ngħinuhom fihom dawn l-affarijiet kemm tad-Day Care, kemm tal-Endoscopy, u ma ninsewx ukoll lin-nies li jaħslu l-istrumenti għax jekk ma jaħslux l-istrumenti dawn ma jkollniex biex naħdmu u ma nistgħux nagħtu servizz tajjeb lill-pazjent.”