F’survey tal-Kummissjoni Ewropea instab li f’Malta, wieħed minn kull ħamsa ħassew xi uġigħ fil-ġimgħa.
100 miljun ċittadin Ewropew isofru minn uġigħ fl-għadam jew fil-muskoli. Dan jikkawża madwar 50% tal-assenza minn fuq il-post tax-xogħol għal tlett ijiem jew aktar.
Jikkawża wkoll 60% ta’ inkapaċitajiet permanenti. Huwa stmat li l-ispejjeż diretti u indiretti tal-mard fl-għadam u l-muskoli jlaħħaq il-€240 biljun fis-sena jew 2% tal-GDP fl-Unjoni Ewropea kollha.
Dan kollu osservaħ fi stqarrija l-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant.
“L-UE u l-istati membri jridu jaġixxu mill-aktar fis favur il-persuni li jsofri minn uġigħ kroniku billi l-prodotti għas-serħan tal-uġigħ ikunu parti integrali tal-politika tal-qasam tas-saħħa pubblika.”
Dr Sant kien wieħed minn 20 MEPs minn gruppi differenti tal-Parlament Ewropew li ngħaqad ma’ riċerkaturi, organizzazzjonijiet tal-pazjenti u rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea f’simposju dwar l-impatt tal-uġigħ fuq is-soċjetà.
Iddiskutew kif Gvernijiet u istituzzjonijiet Ewropej jistgħu jaġixxu biex jagħtu aktar importanza, lill-impatt tal-uġigħ kroniku fuq is-soċjetà, fl-aġenda politika tagħhom. SIP qalu li Malta se tappoġġja laqgħa tal-Organizzazzjoni matul il-presidenza tagħha fl-2017.