“Din hija Malta tagħna. Din hija Malta li tant kburin biha.”
Hekk kien kien il-kliem tal-Prim Ministru Robert Abela f’messaġġ b’saħħtu minn ġewwa l-Berġa ta’ Kastilja għas-sena l-ġdida.
Dr Robert Abela tkellem dwar pajjiż modern li joffri futur ta’ kwalità lil uliedna u tenna li dak li ġie mwiegħed fit-28 ta’ Ottubru li għadda se tarawh jitwettaq fil-ġranet li ġejjin.
“Iva, għandna s-soluzzjonijiet u se nwettquhom. Għandna pjan ċar u nafu fejn irridu naslu. Fil-ġranet li ġejjin ukoll se taraw it-twettiq tal-Budget fil-ħajja tagħkom. L-ikbar tnaqqis fit-taxxa fl-istorja.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Hawnhekk sostna xi jfisser dan kollu hekk kif kull min jaħdem se jara l-paga tiegħu tiżdied. Il-Prim Ministru fakkar kif kull pensjonant se jerġa’ jiżdied għall-għaxar sena konsekuttiva u kull min għandu t-tfal diġà rċieva l-ewwel pagament miż-żieda ta’ €250 fiċ-Children’s Allowance.
Sadanittant, spjega li dawn huma biss fost il-pataflun ta’ miżuri li se jidħlu fis-seħħ fl-2025.
“Fil-jiem li ġejjin se nkomplu nindirizzaw waħda mill-ikbar sfidi quddiemna, dik tal-ħaddiema barranin. Irrid nara li filwaqt li nżommu l-ekonomija għaddejja din ma tiġix bi prezz. Prezz li jitħallas mill-poplu Għawdxi u Malti fi kwalità tal-ħajja u l-ambjent. Dik mhu se naċċettaha qatt.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
B’rabta mas-settur tal-akkomodazzjoni soċjali, Robert Abela rrimarka li se tkompli l-ħidma biex kulħadd isir sid ta’ daru u għalhekk l-iskemi u inċentivi b’saħħithom, bħal tal-equity sharing fost oħrajn, se jsarrfu biex igawdu minnhom aktar nies.
Iżda l-Prim Ministru ma waqafx hawn, hekk kif wassal messaġġ ta’ umiltà favur il-prijoritajiet tan-nies fosthom dwar id-diversi inċentivi b’rabta mal-anzjani f’pajjiżna.
“Matul din is-sena l-ġdida se nintensifikaw ukoll il-ħidma tagħna biex nindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ bosta persuni, fosthom anzjani għall-interventi kirurġiċi li għandhom bżonn. Qed nagħmlu ħilitna kollha sabiex naqtgħu l-lista ta’ stennija fl-iqsar żmien possibbli.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Filwaqt li temm il-messaġġ tiegħu bl-awgurju għas-sena l-ġdida, il-Prim Ministru tenna li pajjiżna se jibqa’ mixi ’l quddiem skond ir-rieda tan-nies.
“Dak li nwiegħdu nwettquh u nagħtikom kelmti li se jitwettaq. F’ismi, f’isem marti Lydia u bintna Giorgia Mae, nixtiqilkom sena ta’ għaqda, tama u paċi.”
Il-Prim Ministru Robert Abela