Minjaf kemm-il darba smajna lil xi ħadd, normalment akbar minna fl-età, iħeġġiġna biex nagħtu d-demm.
Min għax jibża’, min għax jgħid li m’għandux il-ħin, min għax forsi jemmen li demmu mhux se jagħmel differenza, ħafna minna nġibu l-iskużi biex dan ma nagħmluhx.
Meta kellu biss 18-il sena, Joseph Debattista seta faċilment irraġuna hekk. Iżda kieku, ma kienx se jkun qed jgħożż il-fatt li din il-ġimgħa stess, ta d-demm għall-153 darba:
“Kont ilni naħsibha mhux ħażin, li xi darba rrid nagħti d-demm. Ġietni l-okkażjoni, ġejt darba, u bqajt niġi regolarment”.
Imma x’ħeġġu biex l-għoti tad-demm isir parti daqshekk integrali f’ħajtu?
“Tant tara inċidenti, u tara nies li għandhom bżonn, bilfors qisek tgħid li trid tagħmel xi ħaġa, u tgħid, ħa nagħmilha”.
Joseph ma kienx l-unika karattru speċjali fil-Bank Nazzjonali tal-Għoti tad-Demm din il-ġimgħa.
Iltqajna wkoll ma’ Josef Vassallo, Pulizija, li fil-ftit ħin liberu tiegħu għażel li jagħti d-demm. Ma kinitx l-ewwel darba tiegħu, iżda minn Mejju li għadda sar jagħti d-demm b’ħafna aktar passjoni minħabba dak li għadda minnu l-akbar ħabib tiegħu, il-Kuntistabbli Simon Schembri:
“Naħseb fih kważi l-ħin kollu, speċjalment waqt li nkun xogħol, imma meta nkun qed nagħti d-demm naħseb fih aktar għax naf minn xiex għadda u naf kemm kellu bżonn l-isptar bl-ammont kbir ta’ demm li ħa”.
Schembri u Vassallo ilhom ħbieb għal kważi għoxrin sena. Mill-inċident li kważi ħasad il-ħajja tal-ħabib tiegħu, aktar sar jagħmilha b’passjoni minħabba li jaf li demmu sejjer għand min verament għandu bżonn:
“Dakinhar tal-inċident kont l-isptar jien, qaluli filgħodu x’kien ġara, u nżilt isfel niġri ħa nara xi ġralu. Ix-xokk kien kbir, speċjalment meta naf li stajt kont xogħol jien miegħu u forsi l-ħaġa setgħet ma ġratx”.
L-istejjer differenti ta’ dawn iż-żewġt irġiel bla dubju joħolqu kuxjenza ta’ bosta mis-segwaċi tagħna.
Nisperaw biss, li l-istejjer u l-qlubija ta’ Josef Vassallo u Joseph Debattista, se jħeġġukom tmorru tagħtu demmkom waqt il-kampanja li qed imexxi ONE Radio f’dawn il-jiem.