Din hija ħajti u l-mod kif ngħix. Kliem Clare Busuttil, mara ta’ 40 sena li ilha tmien snin tiġġieled il-kanċer tas-sider.
Ħadet id-dijanjosi meta kellha biss 32 sena, u naturalment kienet realtà ġdida li diffiċli wieħed jaċċettaha mal-ewwel.
“Inti trid titgħallem taddatta. Fi żmien l-eżamijeit naddattaw ikollna, jekk se tiżżewweġ jew ikollok it-tfal se taddatta. Jiena kelli naddatta għal din ir-realtà.”
Minkejja kollox, grazzi għall-wens li sabet mill-qraba u anke għaqdiet volontarji li jgħinu pazjenti bil-kanċer, Clare illum-il ġurnata adattat għal din ir-realtà u mhux qed tħares lejha bħala sentenza tal-mewt.
“Jiena naraha bħala marda kronika, għax illum il-kanċer sar marda kronika u l-fatt hu li qed ngħixu aktar fit-tul għax hawn aktar trattamenti. Id-dijabete, il-pressjoni u l-kolesterol kollha huma mard kroniku u veru forsi l-mezzi għadhom għoljin ħafna imma hawn il-mezzi.”
Ma’ ONE News Clare qalet li ħafna jarawha stramba kif għażlet li ma tilbisx parrokka minħabba li tilfet xagħrha kawża tat-trattament.
“Il-pazjent, hija l-għażal tiegħu jekk jilbisx parrokka jew le. Jiena ma tiddefinixxinix jekk nilbisx parrokka jew kappell, imma jaf ħaddieħor jiddejjaq jew forsi jħossu skomdu. L-argument tiegħi hu, ‘live and let live’.”
Minkejja kollox, Clare xorta ma ħallietx il-marda tal-kanċer tiddefinixxilha ħajjitha.
“Is-sitwazzjoni iġġiegħlek tara prijoritajiet oħra u tara x’inhuma tiegħek. Seta’ kelli ħajja aħjar u akyar faċli imma issa din hija ħajti u dan hu l-mod kif ngħix. Jekk se ngħix bid-dwejjaq mhux se ngħixha tajjeb.”
Iltqajna ma’ Clare f’konferenza tal-aħbarijiet li ħabbret kif il-Pjattaforma Nazzjonali dwar il-Kanċer, li kienet tnediet lura fl-2015, issa hija formalment rikonoxxuta bħala għaqda volontarja li tiġbor fiha 12-il għaqda volontarja li taħdem favur aktar għarfien dwar il-kanċer.
Il-President George Vella li kien preżenti għal din il-konferenza qal li din il-pjattaforma nazzjonali dwar il-kanċer toffri spalla lil min hu fil-bżonn filwaqt li saħaq r-riċerka għall-kura tal-kanċer hija importanti.