Eluf ta’ dimostranti nġabru fi bliet madwar l-Istati Uniti lbieraħ l-Erbgħa jipprotestaw kontra l-azzjonijiet li qed jittieħdu mill-amministrazzjoni ta’ Trump. Dawn jinkludu l-mod kif qed tiġi trattata l-immigrazzjoni, il-kruċjata kontra d-drittijiet ta’ nies transġeneru kif ukoll id-dikjarazzjoni li se juża l-forza biex jitrasferixxi lill-Palestinjani mill-Medda ta’ Gaża.
Fil-kapitali tal-Istat ta’ Texas, Austin, mijiet ta’ dimostranti immarċjaw fit-toroq ixejru kartelluni dwar id-demokrazija, filwaqt li f’Philadelphia u bliet ta’ Kalifornja, Minnesota, Michigan, Wisconsin, Indiana u oħrajn ġarrew kartelluni kontra l-President Donald Trump, il-biljunarju Elon Musk u l-Proġett 2025.
Dawn il-protesti kienu instigati minn moviment organizzat fuq il-midja soċjali bil-hashtags #buildtheresistance u #50501 li tfisser 50 protesta, 50 stat, ġurnata waħda.
Numru ta’ websites u siti fuq il-mezzi soċjali sejħu għal azzjoni b’messaġġi jgħajtu sabiex jiġi rrifjutat il-faxxiżmu u jiddefendu d-demokrazija.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2025/02/06091839/WhatsApp-Image-2025-02-06-at-9.00.55-AM.jpeg)
Ħafna mid-dimostrazzjonijiet ikkritikaw lil Elon Musk u d-Dipartiment tal-Effiċjenza Governattiva.
Membri tal-Kungress urew tħassib dwar l-involviment ta’ dan id-dipartiment fis-sistema tal-pagamenti tal-Gvern li jistgħu jwasslu għar-riskji fis-sigurtà jew nuqqas ta’ pagamenti tas-sigurtà soċjali u tas-saħħa.
L-iffirmar ta’ serje ta’ ordnijiet eżekuttivi minn Trump fl-ewwel ġimgħat tal-mandat tiegħu, li jvarjaw mill-ekonomija għall-immigrazzjoni u anke t-tibdil fil-klima, qed jiġu opposti mid-Demokratiċi fejn fl-aħħar jiem il-mistoqsijiet dwar l-aġenda ta’ Trump immultiplikaw il-protesti.