Aktar minn elf persuna nġabru fl-ikbar belt fil-Myanmar, Yangon, dan fit-tieni jum ta’ protesti kontra l-armata li għamlet kolp ta’ stat ftit tal-jiem ilu fejn ħatfet il-poter minn idejn Gvern ċivili.
Bosta rġiel u nisa fosthom żgħażagħ dehru jipprotestaw b’ritratti tal-mexxej Aung San Suu Kyi f’idejhom u kienu lebsin l-aħmar.
Id-dimostranti tennew li ser jibqgħu jagħfsu biex jerġgħu jiksbu d-demokrazija filwaqt li talbu sabiex jiġi rispettat l-vot tagħhom.
Trakkijiet tal-pulizija u uffiċjali kienu stazzjonati fit-toroq ħdejn l-Università ta’ Yangon.
Intant nhar is-Sibt, il-militar għalaq l-aċċess kollu għall-internet madwar il-pajjiż.
Dimostrazzjonijiet iżgħar ġew irrappurtati wkoll il-Ħadd filgħodu f’Mawlamine u Mandalay.
Aung San Suu Kyi għadha arrestata għalkemm qed tikber ix-xniegħa li tista’ tinħeles.