Bir-rifjut tal-espert ewlieni, l-Irlandiż Jeremy Harbinson, li jixhed fil-kawżi b’rabta mal-inkjesta tal-isptarijiet u l-fatt li r-rapport finali ppreżentat lill-Maġistrat Gabriella Vella ma jindika mkien min mill-għexieren ta’ esperti għamel xiex b’mod speċifiku, qed tiġi antiċipata dilemma sħiħa fit-tkomplija tal-kawżi relatati.
Fl-aħħar jiem, waqt seduta f’waħda minn tali proċessi ġudizzjarji, l-Imħallef Edwina Grima qalet li l-esperti involuti jistgħu jissejħu bħala xhieda u jiġu mistoqsijin dwar dak li ħadmu fuqu.
Minkejja dan, żviluppat sitwazzjoni fejn, skont Harbinson innifsu, ħadd mill-esperti ma jista’ jixhed fuq ir-rapport, li ppreżentaw f’April tal-2024, għax dak hu ta’ kulħadd u fl-istess ħin mhu ta’ ħadd, ladarba għexieren ħadmu u ħalltu kollox flimkien fl-anonimità.
Fl-istess ħin, anke jekk taħt ġurament assuma r-responsabbiltà sħiħa tar-rapport, Harbinson ma jħossx li hu kapaċi li jista’ jixhed dwar il-kontenut, kif stqarr hu stess. Għalhekk ukoll jenfasizza li dejjem kienu jkunu bejn ħamsa u tmin esperti li jattendu għal-laqgħat mal-Maġistrat inkwirenti, inkella ħadd minnhom ma kien ikun kapaċi jirrispondi l-mistoqsijiet.
Fl-unika darba li kien beda jixhed quddiem il-Qorti, f’Ottubru tas-sena l-oħra, Harbinson iddikjara li la analizza jew ivverifika kulma nstab u wisq inqas qara kulma nkiteb.
Għalhekk x’aktarx li, issa, l-esperti kollha wkoll se jkollhom l-istess dilemma meta jissejħu fil-Qorti, dik dwar kif se jirrispondu għal xogħol ħaddieħor.
Ir-rapport konklussiv ippreżentat fi tmiem l-inkjesta tal-isptarijiet imkien ma jidentifika u jattribwixxi xi partijiet lil esperti partikolari, iżda spiċċa għoqda li llum ħadd ma jrid iħoll … lanqas l-espert ewlieni nnifsu.
Dan anke jekk fil-linji-gwida tal-Kunsill tal-Ewropa jingħad speċifikament li fejn ikun hemm ħafna esperti differenti involuti fil-preparazzjoni tar-rapport lill-Qorti, irid jintwera b’mod ċar u bla ebda dubji kif ikkontribwixxa kull professjonist.
Xi ħaġa li, mill-ġdid, l-inkjesta li swietna iżjed minn ħdax-il miljun ewro assolutament m’għamlitx.
Ir-rapport ta’ Harbinson Forensics Limited ġie ffirmat minn Harbinson, bħala l-espert ewlieni, u tmin esperti oħrajn li hu jsejħilhom bħala l-assistenti tiegħu.
Waqt li faċilment jista’ jingħad li dan it-taħwid sar apposta biex ikun ta’ paraventu għall-abbużi fil-ħlasijiet tal-esperti kollha, li llum ħafna minnhom nafu li lanqas kienu biss ikkwalifikati biex jagħmlu tali xogħol, l-istess Harbinson jisħaq li tali rapport finali kellu jinżamm privat u kunfidenzjali.
Skont l-affidavit tal-Irlandiż, dan ma kellu qatt jintuża biex fuqu jiġu akkużati xi persuni u lanqas irrakkomanda ordnijiet ta’ ffriżar tal-assi tagħhom.