Wara li l-kandidat Nazzjonalista Norman Vella rrikorra għall-midja soċjali biex jipprova jgħatti xturu u jgħid li hu qatt m’għamel rapporti fuq hate speech kontra xi ħadd, anke jekk naqas milli jippreżenta ruħu meta kien imsejjaħ biex jixhed fil-Qorti f’kawża simili, jirriżulta li dikjarazzjonijiet li saru mal-Pulizija minn terzi jindikaw mod ieħor.
Vella kien imsejjaħ biex jixhed f’kawża kontra ċertu Jeremy Portelli, li kiteb messaġġ allegatament ta’ mibegħda. Il-każ dam għaddej mas-sentejn ukoll intuża b’mod flagranti mill-midja Nazzjonalista.
Fil-Qorti, iżda, Portelli ġie illiberat fl-aħħar jiem minn kull akkuża, anke wara li Norman Vella baqa’ ma tfaċċax.
Vella, imbagħad, ipprova jaħbi idu fil-każ u ċaħad li hu qatt talab lill-Pulizija tinvestiga lil Portelli u xi persuni oħrajn. Hu saħanistra qal li talab għal spjegazzzjoni mill-Pulizija.
Minkejja dan, pronta kienet ir-risposta tal-Avukata Rachel Tua, li kienet qed tirrappreżenta lil Jeremy Portelli, li sfidat lil Vella biex dak li kiteb fuq il-midja soċjali jgħidu taħt ġurament fil-Qorti.
Issa, fl-aħħar jiem, dikjarazzjonijiet sussegwenti li saru mal-Pulizija jgħidu b’mod ċar li dawk investigati dwar hate speech, inkluż Portelli, kienu rrapportati speċifikament minn Norman Vella.