Il-President tal-Allied Rainbow Communities, Clayton Mercieca, sostna li dikjarazzjonijiet li jolqtu s-settur tal-ugwaljanza u d-drittijiet ċivili, mingħajr għarbiel tajjeb u diskussjonijiet ma’ esperti jistgħu jagħmlu iktar ħsara milli ġid.
Mercieca qal dan fuq il-programm Madwar Mejda li jixxandar fuq ONE.
Dan qalu b’rabta mal-każ li jitratta d-deputat Nazzjonalista Julie Zahra, li ħarġet tattakka lil ŻiguŻajg, festival internazzjonali tal-arti għat-tfal u ż-żgħażagħ, fuq inizjattiva maħsuba biex, permezz tal-arti u l-kreattività, tippromwovi l-inklussività u l-apprezzament tad-diversità.
Dwar dan il-każ, il-President tal-ARC sostna hekk.
“Dawn l-affarijiet, meta ma jkunx hemm għarbiel tajjeb u diskussjonijiet ma’ esperti qabel ma nitfgħuha hemm barra, se tagħmel iktar ħsara milli ġid.”
Mercieca qal ukoll li hemm bżonn li kummenti ta’ dan it-tip iridu jkunu bbażati fuq l-evidenza.
“Meta nitfgħu kummenti bħal dawk fil-beraħ, jekk ma tkunx iltqajt mal-ġrajjiet u fhimt il-familji, mela hemmhekk għandna daqxejn ta’ problema li qed tirrifletti concerns li m’humiex ibbażati fuq evidenza.”
B’rabta ma’ dan il-każ, Julie Zahra qalgħet ħasla wkoll minn President ta’ fergħa tal-Partit Nazzjonalista stess.
Fil-fatt, il-President tal-Forum Opportunitajiet Indaqs Partit Nazzjonalista (l-FOIPN), Jamie Vella, ċanfarha talli lanqas biss indenjat ruħha titkellem ma’ dan il-forum tal-PN qabel ma għamlet l-istqarrijiet li għamlet.
Jamie Vella, bħal Clayton Mercieca, ikkritika wkoll lil Julie Zahra talli d-dikjarazzjoni li għamlet fil-konfront tax-xogħol tal-artisti kienet nieqsa mis-sensittività u mhux infurmata biżżejjed. Fl-istess nifs, reġa’ poġġa subgħu fuq il-ferita tan-nuqqas ta’ djalogu u teamwork intern fi ħdan il-PN.