Fil-jum tas-Sibt ġie mfakkar il-106 anniversarju minn meta mijiet ta’ eluf ta’ Armeni nqatlu f’massakru mill-Imperu Ottoman, illum it-Turkija.
Fl-istess jum, il-President Amerikan Joe Biden sar l-ewwel President tal-Istati Uniti li ħareġ dikjarazzjoni li tiddiskrivi dan il-massakru tal-1915 bħala ġenoċidju.
Din id-dikjarazzjoni ġabet reazzjoni ta’ rabja fost it-Torok, għaliex minkejja li t-Turkija tirrikonoxxi l-atroċitajiet li kienu saru fil-passat, tirrifjuta li tiddiskrivi dawn l-avvenimenti bit-terminu ta’ ġenoċidju.
It-Torok jinsabu rrabjati illi l-Istati Uniti ingħaqad fost l-oħrajn mal-Armenja, Franza, il-Ġermanja u r-Russja li wkoll jinterpretaw l-avvenimenti orribbli tal-Ewwel Gwerra Dinjija bħala ġenoċidju.
Intant, Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Tork sejjaħ lill-Ambaxxatur Amerikan għat-Turikija sabiex jesprimi d-diżżappunt tiegħu, filwaqt li nnota li d-dikjarazzjoni ta’ Biden ikkawżat ferita irreparabbli fir-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.