Fil-Konferenza Internazzjonali Annwali tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Istituti għat-Taħriġ Vokazzjonali, li din is-sena qed tittella’ ġewwa pajjiżna, il-Ministru Helena Dalli approvat ‘Dikjarazzjoni Maltija’ dwar it-tagħlim vokazzjonali bl-għan li jkollna soċjetà aktar inklussiva.
L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Istituti għat-Taħriġ Vokazzjonali (l-EVBB) flimkien mal-Assoċjazzjoni Ewropea tat-Taħriġ Vokazzjonali (l-EVTA) ħarġu b’ħames punti ewlenin li fuqhom għandha ssir aktar ħidma.
Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli, innotat li l-identifikazzjoni tal-isfidi u t-tressiq ta’ ideat għal soluzzjonjiet imwettaq minn professjonisti internazzjonali miġbura f’Malta, għandhom jipprovdu direzzjoni aħjar lill-istituzzjonijiet u l-edukaturi li joffru edukazzjoni vokazzjonali, flimkien ukoll ma’ pjattaformi aktar avvanzati li jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ.
Il-Ministru Dalli tenniet fuq l-impenn sħiħ tal-gvern, f’livell nazzjonali, li jkompli jinvesti
fit-tagħlim tul il-ħajja biex tiħi indirizzata d-differenza fil-ħiliet. “Il-gvern qed jagħti l-appoġġ meħtieġ minn diversi inizjattivi, l-iktar permezz ta’ kura tat-tfal b’xejn, li hija wkoll disponibbli għall-ġenituri li qegħdin f’edukazzjoni full-time. “