It-Tlieta filgħodu kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-każ ta’ Matthew Pace u Lorraine Falzon tal-kumpanija Zenith Finance, mixlija b’ħasil ta’ flus.
L-Ispettur Joseph Xerri qal kif kien Brian Tonna li introduċa lil Pace ma’ Keith Schembri, u iżjed tard ma’ Adrian Hillman u Vince Buhagiar, żewġ eks Direttur ta’ Allied Newspapers, il-kumpanija responsabbli mill-pubblikazzjoni tat-Times.
Intqal kif Pace kien qal lill-pulizija li kien sema’ li l-pagamenti li kienu għaddejjin bejn Keith Schembri u Hillman kienu pagamenti relatati ma’ konsultazzjoni fuq il-midja.
Intqal kif qabel mal-kumpanija kellha l-isem ta’ Zenith Finance Ltd, kien jisimha MFSP Financial Ltd u kienet toffri servizzi relatati mal-assigurazzjoni.
Fil-Qorti Andre Micallef, li kien id-Direttur tal-kumpanija meta kienet għadha msemmija MFSP, qal li l-kumpanija dejjem kienet iżomm aġġornamenti tad-dettalji tal-klijenti tagħha u dejjem staqsiet minn fejn kienu qed joriġinaw il-flus qabel ma jinfetaħ il-kont mal-kumpanija.
Instema’ wkoll kif barra li Matthew Pace kien rappreżentant legali huwa kien ukoll is-Segretarju tal-kumpanija u kellu sehem ta’ kważi 17% ta’ Zenith.
Intqal kif MFSP kienu ngħataw multa fuq akkużi ta’ ħasil ta’ flus fejn il-kumpanija pprovat tiftaħ kontijiet tal-bank f’ġurisdizzjonijiet barranin u eventwalment instab li dan kien qed isir b’transazzjonijiet ta’ flus kontanti.
Avukat tad-dipartiment tal-VAT qalet li ż-żewġ akkużati ma kellhom l-ebda reġistrazzjoni ta’ VAT.