L-Erbgħa segwejna l-inċident li seħħ ġewwa l-ajruport ta’ Dubai, fejn ajruplan tal-Emirates inħakem minn nirien ftit wara li niżel fl-ajruport. In-nirien ikkawżaw ħsara kbira, tant li inħolqot toqba kbira tul is-saqaf tal-ajruplan. Fortunatament ħadd mill-passiġġieri ma tilef ħajtu, għajr għall-ħaddiem wieħed tat-tifi tan-nar.
Madanakollu dan l-inċident seta’ wassal għal konsegwenżi ferm aktar serji. Mhux se nidħol fil-mertu ta’ x’seta’ kienet il-kawża tal-inċident (għal dan il-għan issir investiġazzjoni professjonali), pero żgur li l-passiġġieri kienu qed jipperikolaw ħajjithom stess. Għaliex qed ngħid hekk? Sa filgħaxija kienu diġa telgħu online amateur-videos juru s-sitwazzjoni waqt l-evakwazzjoni. L-atitudni ta’ wħud mill-passiġġieri ħallewni perpless u wrew kemm hawn min ma jirrealizzax il-periklu li qed jitfa’ lilu n-nifsu, u lil ta’ madwaru.
L-ewwel nett ma nafx kif f’dak il-ħin, persuna tiġiha f’moħħha li toħroġ il-mobile phone u tirrekordja video….iżda ejja nħallu dan il-fatt ftit fil-ġenb għalissa u niffukaw fuq dak li nistgħu nitgħallmu minn dan il-filmat. L-iktar ħaġa li dejqtini u inkwetatni kienet l-ammont ta’ passiġġieri li, minflok obdew mill-ewwel l-istruzzjonijiet tal-evakwazzjoni, qamu minn posthom biex jieħdu l-basktijiet mill-kompartimenti ta’ fuq rashom! Inkredibbli!
L-ajruplan qed jintela bid-duħħan u x’inhi l-ewwel ħaġa li tagħmel? – tqum biex iġġib il-basket minn fuq rasek! Għal uħud il-basket tagħhom huwa ferm iktar importanti minn ħajjtihom u tan-nies ta’ madwarhom. Wieħed ma jirrealizzax kemm huwa ferm faċli li timblokka kuritur t’ajruplan jekk il-bagalja teħel bejn is-seats, jew kemm huwa faċli li titfixkel u taqa’, b’konsegwenza li timblokka kuritur sħiħ.
Żgur li din is-sitwazzjoni inkwetanti ġrat drabi oħra, hemm diversi ritratti u videos online li juru dan. Il-passiġġieri mhux qed jirrealizzaw li kull sekonda waqt evakwazzjoni hija importanti. Il-pjan t’evakwazzjoni qiegħed hemm għal raġuni, u bhala passiġġieri irridu nirrispettawh. Is-sigurta’ waqt vjaġġ ma jistax jittieħed b’mod leġġer.
Punt ieħor li jinkwetani, u mhux relatat mal-filmat ta’ dan l-inċident, huwa meta jinżel l-ajruplan fid-destinazzjoni tiegħu. Qas jilħaq jasal fuq l-istand li ma tarx in-nies iqumu u jingumbraw il-kuritur bil-bagalji. Jekk tinqala emergenza, zgur li tissarraf f’diżgrazzja – kulħadd ippakjat qisu sardina bi ftit spazju fejn tiċċaqlaq. Marelli, qisu se jaħrab l-ajruport!
Ejja inkunu ftit aktar responsabbli, għax wara jista’ jkun tard wisq.