Niftakar li kelli dawk 15-il sena meta smajt l-isem ‘Joseph Muscat’ għall-ewwel darba. Kien l-2008, ftit wara telfa elettorali tant kerha li għadha tissemma sal-lum. Ġarrabna, iżda sibna rwieħna nħarsu lejn wiċċ ġdid. Ta’ tifla li kont dak iż-żmien ukoll ħassejtha stramba. Kont drajt nassoċja lit-tmexxija tal-Partit Laburista ma’ Alfred Sant, bħal ma issa drajna kollha kemm aħna nassoċjaw lil Joseph Muscat mat-tmexxija tal-partit u tal-pajjiż.
Illum qed inħoss, u ċerta li ħafna qed iħossu bħali, sensazzjoni simili ta’ dak li ħassejna f’nofs l-2008. Dik il-mewġa tal-bidla u dak kollu li dawn iż-żewġ fenomeni jġibu magħhom. Hemm ċertu bidliet li ngħaddu minnhom għaliex nagħżlu aħna. Nagħżlu li nibdlu l-impjieg, jew nibdlu d-dar fejn ngħixu, nibdlu l-istil tal-ħajja tagħna.
Iżda mhux kull bidla tinqtlaqa’ b’merħba. Ċertu tmiem ta’ kapitlu kapaċi ssibu ma’ wiċċek aktar malajr milli ħsibt, u ssib ruħek pjuttost mitluf. Hawn min jiddeskrivi l-għeluq ta’ kapitlu bħala sempliċiment dlam, bħal donnha x-xemx niżlet u ma tafx jekk jew meta se titla’ lura. Tibda’ tgħid miegħek innifsek kemm din kienet bidla li stajt tgħaddi mingħajrha, kemm ‘jaħasra kienet żejda’. Huwa faċli ħafna li f’mumenti hekk taqa’ fin-nassa fejn tibda’ titħassar lilek innifsek.
Iżda l-ħajja mbagħad tgħallmek li anke meta l-bidla tgħakksek bl-aktar mod krudili, eventwalment is-saħħa tagħha tħossha qed tonqos minn fuqek. Fejn qabel kont tara dlam biss, f’daqqa waħda tibda tarah qed jibda’ jbexbex bħal donnu għajnejk qed iqarrqu bik.
Is-swidija li qabel kienet iddawwrek f’daqqa waħda qed issir aktar ċara u bilkemm mhux qed tara forma ta’ passaġġ quddiemek. Imbagħad tagħmel dak l-ewwel pass. Bilmod, ma jmurx titfixkel, taqa’, u tiġik agħar. Imma b’xi mod, bis-sewwa jew bid-dnewwa, jirnexxielek tagħmel dak l-ewwel pass.
La għamilna wieħed, nagħmlu ieħor, le?
U wara dawk il-passejn, tinduna li l-passaġġ huwa mdawwal iżjed, tant li issa tista’ ssejjaħlu ‘triq’, tant kemm qed tara ċar. It-tbexbix li ggwidak għal dak l-ewwel pass, ukoll kiber u sar żerniq fuq ix-xifer lest biex iwasslek għal fejn int determinat li tasal, għaliex issa, wara dawk l-ewwel passejn, rabbejt il-kuraġġ.
Aktar ma navvanzaw fil-ħajja, aktar nitgħallmu l-valur tal-kelma ‘kuraġġ’. Il-valur ta’ frażijiet bħal ‘kollox jgħaddi’ u ‘kollox f’ħinu u f’waqtu’. U iva, anke l-valur ta’ dik il-bidla bla merħba li ħsibtha se tgħakksek.
Hija din it-tip ta’ bidla li wkoll tiftaħlek għajnejk għall-vjaġġ li kellek tagħmel s’issa. In-nies li ltqajt u ħdimt magħhom, l-esperjenzi li qsamt magħhom u magħhom BISS. Il-mumenti ta’ ġid u ta’ tiġrib ukoll. Dan kollu għandu jfakkrek kemm inti b’saħħtek u li kapaċi tegħleb anke l-aktar mewġa b’saħħitha.
Allura kuraġġ, għadek ma tafx fejn tista’ twasslek il-bidla bla merħba.