Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli nediet l-istrateġija Nazzjonali għall-awtiżmu, għad-disa’ snin li ġejjin.
Din l-istrateġija se tkun qed tiffoka fuq seba’ punti u għalhekk se tkun qed tħares mit-twelid sal-anzjanità ta’ persuna fuq l-ispettru tal-awtiżmu.
Intqal li se tkun qed isir ukoll dijanjosi minn ta’ età żgħira biex wieħed jintebaħ jekk huwiex fuq l-ispettru tal-awtiżmu: “Din tagħmel l-istrateġija tagħna differenti minn dik li hemm f’pajjiżi oħra fl-Ewropa għaliex, pajjiżi oħra jiffokaw pereżempju fuq l-anzjanità jew fuq tfal biss jew mill-aspett mediku biss. Aħna naraw li dik tkun strateġija mit-twelid sal-anzjanità.”
Iċ-Chairman tal-Kunsill Konsultattiv dwar l-Awtiżmu, Dr Alistair Degeatano saħaq kif waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni saru mal-186 proposta, li minnhom ġiet imnebbħa din l-istrateġija, li hija wegħda elettorali oħra mwettqa.
Huwa stqarr: “Wara perjodu ta’ ħidma fejn ikkonsultajna diversi persuni u anke entitajiet issa għandna roadmap f’idejna sempliċi u user friendly sabiex flimkien mal-istake holders kollha nistgħu naħdmu biex fid-disa’ snin li ġejjin naraw li d-drittijiet tal-persuni fil-firxa wiesgħa tal-awtiżmu u l-familji tagħhom ikunu mħarsa u ovvjament l-empowerment u l-inklużjoni ta’ dawn il-persuni.”
Mill-bidu tas-sena li ġejja numru ta’ ħwienet se jkunu qed jingħaqdu flimkien sabiex il-ħwienet ikunu wkoll attrezzati għall-persuni fuq l-ispettru tal-awtiżmu.
Bħalissa għaddej it-taħriġ għall-ħaddiema, b’Omar Farrugia, mill-Assoċjazzjoni tal-Ġenituri dwar l-Awtiżmu, jilqa’ dan il-fatt: “Ħa tagħmel ħajja faċli ħafna, kemm NGOs, assoċjazzjonijiet kif ukoll entitajiet governattivi li jgħidu ħares kif għedt qabel, għandna l-kejl, għandna l-miżuri, għandna l-lista ta’ affarijiet ta’ x’hemm bżonn isir kif ukoll jagħtu wkoll linji gwida biex ma jsirux inġustizzji bejn individwi li huma fuq l-ispettru tal-awtiżmu.”