Mas-7,500 artefatt ġew diġitalizzati minn Heritage Malta fi żmien tliet snin, minn mindu taqsima fi ħdanha ngħatat fondi Ewropej biex tippriserva l-wirt kulturali ta’ pajjiżna.
Dan tħabbar waqt żjara mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, fit-Taqsima tad-Diġitalizzazzjoni tal-Heritage Malta, li twaqqfet fl-2021.
Filwaqt li permezz ta’ fondi Ewropej sar restawr fil-Mużew Marittimu, twaqqfet din it-Taqsima u nxtara apparat modern li ppermetta li ssir id-diġitalizzazzjoni tal-wirt marittimu. Dan filwaqt ukoll li twaqqfet il-Collection Management System, li biha, permezz ta’ software speċjalizzat, dawn il-kollezzjonijiet jitpoġġew f’katalogi apposta.
Dwar dan u aktar tkellimna mal-Kap ta’ din it-taqsima, is-Sur Anthony Cassar, li qal li, matul is-sajf li għadda, it-Taqsima ngħatat iċ-ċertifikat mil-Lloyds Register Quality Assurance u b’hekk saret l-ewwel dipartiment fil-Heritage Malta li kiseb dan iċ-ċertifikat prestiġġjuż.
“It-target tagħna kien li jsiru 3,000 artefatt bħala parti mill-obligazzjonijiet tan-Norway Grant, però nista’ ngħid li sal-lum qbiżna s-7,000. Il-proċess huwa kontinwu u mhux qed issir biss minn hawn ġew imma qed isiru wkoll minn siti differenti.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Heritage Malta, Noel Zammit, spjega li f’dawn l-aħħar snin, permezz tat-teknoloġija diġitali, il-Heritage Malta rnexxielha tilħaq udjenzi usa’ minn qatt qabel u tagħmel il-kollezzjoni nazzjonali aċċessibbli kemm għall-Maltin kif ukoll għall-barranin fil-kumdità ta’ djarhom.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, qal li d-diġitazzazzjoni tiżgura aktar użu mifrux mill-ġenerazzjonijiet tal-preżent u tal-ġejjieni.
“L-aspett diġitali jagħtina opportunità li nagħmlu d-differenza b’mod tajjeb ħafna. Aħna, fejn jidħol il-patrimonju storiku, Malta hija fost ta’ quddiem nett mhux biss fl-Ewropa imma anke barra mill-kontinent u nemmnu li hemm soluzzjonijiet li rridu naħtfuhom u nagħmlu użu minnhom.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett,irrimarka li il-fondi li ngħataw, mill-EEA Norway Grants, kienu jammontaw għal €2 miljun.
“Bil-fondi l-ġodda se nkomplu nkunu qed ninvestu f’dan il-qasam għax il-qalba diġitali tajba għal kulħadd. Tajba għax nistgħu nippriservaw b’mod fejn ma nużawx affarijiet li jistgħu jagħmlu ħsara lill-ambjent u, fuq kollox, għandna l-garanzija li nistgħu nagħmlu affarijiet oħra bihom biex in-nies li għandhom igawdu dan il-patrimonju jagħmlu dan b’mod aktar effettiv.”