Il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Beppe Fenech Adami, għamel dikjarazzjonijiet li jmorru għal kollox kontra dak li qalu fl-aħħar sigħat uffiċjali ta’ dak li kien il-Partit Demokratiku.
Filwaqt li dawn tal-aħħar qed jitkellmu dwar x’kien miftiehem, fosthom b’artikli fil-gazzetti, Fenech Adami qal li l-ftehim għad irid ikun iffinalizzat. Beppe Fenech Adami kkonferma wkoll l-ftehim ma kienx diskuss fil-grupp parlamentari.
Fil-fatt, l-ewwel kien se jgħid li ġie diskuss, iżda mbagħad qal biss li l-grupp parlamentari kien jaf li kienu għaddejin id-diskussjonijiet. Iktar minn hekk Anthony Buttigieg, Deputat Mexxej tal-Partit Demokratiku, kiteb dalgħodu li se jkunu huma li jgħażlu l-kandidati tagħhom għal fuq il-lista tal-Partit Nazzjonalista.
Iżda meta mistoqsi dwar jekk dawn il-kandidati hux se joqgħodu quddiem il-kummissjoni tal-PN Beppe Fenech Adami qal li għad irid ikun hemm ftehim dwar dan ukoll.
Fuq kollox, Marlene Farrugia u Anthony Buttigieg tkellmu fl-aħħar sigħat dwar ftehim li sar iżda Fenech Adami qal “Meta jkun hemm ftehim formali dan jgħaddi mill-proċess formali.”
Mistoqsi jekk ux se jitla Kunsill Ġenerali ma kienx jaf iwieġeb anqas. “Naturalment, skont kif inkun il-ftehim. Jista’ jinħass il-bżonn jew ma jinħassx il-bżonn,” qal Fenech Adami.
Fuq kollox meta mistoqsi dwar kif l-ikbar partit f’din l-għaqda ta’ żewġ partiti qed jispiċċa jsegwi d-dettalji joħorġu mill-partit iż-żgħir, Fenech Adami beda jiddejaq. “Dak niddeċiedu aħna kif joħorġu l-affarijiet. Meta joħorġu l-affarijiet,” qal Fenech Adami.