Għadhom lanqas spiċċaw il-btajjel tal-2019 u diġà hawn min qed jaħseb għal dawk tas-sena 2020, b’kumpaniji li f’dawn il-jiem fetħu l-bookings għal cruises jirrapportaw konkorrenza qawwija.
Ritratti li ntbagħtu lil One News ifakkru f’xi xena minn Black Friday, li baqalgħu madwar tliet xhur.
Tkellimna ma’ Norman Hamilton, sid ta’ aġenzija tal-ivvjaġġar li spjega kif kien hemm min stenna sa minn kmieni filgħodu biex jassigura post tajjeb fuq wieħed mill-bastiment li ta’ kull ġimgħa jidħlu fil-port il-kbir.
“Din is-sena inspjegabilment kellna folla iktar imdaqqsa mis-snin li għaddew”, stqarr Hamilton
M’hemmx dubju li esperjenzi bħal dawn huma riżultat ta’ fiduċja dwar il-ġejjieni fost il-Maltin.
Biex dak li qal din il-ġimgħa stess il-Eurobarometer, jikkonfermah min jaħdem fin-negozju.
Hamilton tenna: “Illum il-ġurnata grazzi għall-Gvern li għandna, il-flus fil-but mhux qed jonqsu, il-Gvern dejjem qed iżid il-purchasing power tal-Maltin, allura bilfors se jsibu aktar flus fil-but”.
Bħalma l-Maltin qed jagħżlu btala fuq cruise, il-kumpaniji tal-cruise liners qed jagħżlu iktar lil pajjiżna.
Fost oħrajn, il-kumpanija globali tal-cruise liners l-MSC bdiet itajjar il-bandiera Maltija u sal lum għandha erba’ vapuri rreġistrati Malta.
Hamilton spjega kif fl-2020 se jkollha il-ħames vapur taħt isem Malta, liema vapur se jkun qed jaħdem b’sistema nadifa tal-gass.
“Vapuri bħal MSC illum il-ġurnata qed iħossuhom komdi li jirreġistraw taħt il-bandiera Maltija. Jiġifieri anke dawk li jiġu magħna jafu li qegħdin fuq biċċa minn Malta. Meta jitilqu minn Malta, imorru Spanja, lejn Franza, lejn l-Italja qed jivjaġġaw fuq xi ħaġa Maltija, għax hemm il-bandiera Maltija tperper, wara taħt l-isem tal-vapur hemm il-kelma tal-Belt Valletta”, kompla jgħid Hamilton.
Din il-kumpanija għandha kuntratt li tkompli tirreġistra l-vapuri f’Malta sal-2028.