Bernard Grech reġa’ ħa lin-nies għad-dikjarazzjonijiet tiegħu kontra s-sussidju tal-enerġija.
Dan wara li fl-aħħar jiem il-Kummissjoni Ewropea qalet lill-Gvern Malti li għandha tieqaf l-għajnuna li qed jagħti l-Gvern biex iżomm stabbli l-kontijiet tal-enerġija u jżommhom ukoll fost l-orħos fl-Ewropa.
Iżda quddiem din il-politika tal-Gvern, Grech qal hekk meta mistoqsi.
Qal, “Diġà tkellimna dwar dan.”
Bernard Grech mhux darba jew tnejn tkellem li jħalli s-suq, isuq u jagħmel bħal ma għamlu Gvernijiet Nazzjonalisti, li jitfgħu l-piż fuq in-nies.
Fil-fatt f’aktar minn okkażjoni waħda qal li l-għajnuna fuq l-enerġija, jaqtaha.
Qal, “Li tibqa’ tissussidja l-enerġija żgur li mhijiex l-aktar għażla sostenibbli”
Tul l-intervista, anki jekk beda jgħid li jrid jagħti sussidju, spiċċa jsemmi biss dak li sar fil-passat minn Gvernijiet Nazzjonalisti tant li anki l-ġurnalist ġibidlu l-attenzjoni li mhux iwieġeb għal dak mistoqsi.
Il-ġurnalist qal, “Imma qed teħodni lura 25 sena u iktar”
Fl-istess intervista spikkaw ukoll mumenti oħra fejn Bernard Grech beda jiġi mistoqsi fuq suġġett u hu jwieġeb fuq ħaġa oħra, tant li beda jaħrab mill-mistoqsijiet dwar il-ħaddiema barranin.
Il-ġurnalist sostna, “Pero aħna mhux qed nitkellmu fuq turisti hawnhekk, qed nitkellmu dwar barranin li jiġu jaħdmu Malta per eżempju”
Imbagħad Grech infexx jattakka lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, attakk li qed ikompli jintensifika wkoll mill-għaqda Repubblika.
Grech qal, “Aħna konna tkellimna dakinhar fuq, u kellna, tajna l-opinjoni tagħna fuq Angelo Gafa.”
Dan sostnieh b’referenza għal skrutinju parlamentari fuq Angelo Gafà li l-Partit Nazzjonalista ddeċieda minn jeddu li ma jieħux sehem fih.