Sal-lum ġew ippreżentati 2,300 applikazzjoni għal-liċenzja tal-kuntratturi.
Bħala parti mir-riforma li qed titwettaq mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA, il-kuntratturi fis-settur li jagħmlu xogħol ta’ bini, twaqqigħ u skavar huma obbligati li japplikaw għal-liċenzja rispettiva sa mhux aktar tard mill-31 t’Ottubru.
Għal din il-liċenzja jrid japplika għaliha kull min daħal jew se jidħol f’kuntratt biex jipprovdi servizzi ta’ bini, twaqqigħ jew skavar, waqt li jrid idaħħal applikazzjoni għal kull kategorija li fiha jaħdem jew beħsiebu jaħdem.
Bid-dħul ta’ din il-liċenzja jiġi aċċertat li l-kuntratturi jkunu aktar serji u responsabbli, filwaqt li l-ħaddiema jkunu esposti għal aktar taħriġ f’dan is-settur.
Sadanittant, bħala parti mill-ħidma tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, qed isir xogħol fuq l-oqsma tal-kodiċi tal-bini, twaqqigħ u skavar.
Fl-istqarrija ngħad ukoll li, bil-maqlub, għal dak li ntqal fl-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia, jiġifieri li dawn il-kodiċi huma lesti u tħallew fuq l-ixkaffa, ix-xogħol ta’ tħejjija tagħhom għadu għaddej b’konsultazzjonijiet li se jkomplu jsiru mal-Kamra tal-Periti u stakeholders oħrajn bil-għan li jitlesta x-xogħol fuqhom.
Fakkru kif, fl-aħħar xhur, twettqu riformi estensivi, fosthom il-liċenzjar tal-kuntratturi u l-kontinwazzjoni tal-implimentazzjoni tar-Rapport Quintano.
Dan it-tisħiħ fir-regolamentazzjoni tas-settur wara għexieren ta’ snin se jissokta bil-għan li jkun hemm aktar responsabbiltà, serjetà u kwalità ogħla.