Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew qal li l-verita` hi li bir-regoli attwali, il-gżejjer tal-UE bħal Għawdex ma għandhomx ċans jibbenefikaw mill-pjan ta’ investiment ta’ Juncker. Dr Alfred Sant qal li huwa essenzjali li r-rekwiżiti tar-reġjuni fil-periferija, speċjalment tal-gżejjer żgħar bħal Għawdex, jiddaħħlu fl-ippjanar ta’ programmi ta’ finanzjament tal-UE. Dr Sant qal li żoni insulari tal-UE qed jaffaċċjaw diffikultajiet kbar meta jipprovaw jiksbu aċċess għal finanzjament tal-UE, aħseb u ara jassorbuhom. Dawn id-diffikultajiet mhumiex minħabba raġunijiet nazzjonali, iżda minħabba l-mod kif inhuma mfasslin il-programmi tal-UE.
Dr Sant tkellem dwar il-gżejjer żgħar bħal Għawdex u r-reġjuni fil-periferija tal-Ewropa, meta ivvota favur riżoluzzjoni li tagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni tar-reġjuni fil-periferiji tal-Unjoni Ewropea.
“Ivvotajt favur din ir-riżoluzzjoni għax tagħti importanza lit-tħassib ġenwin tal-iżvantaġġi li jagħfsu fuq ir-reġjuni tal-periferija meta kkomparat ma’ reġjuni Ewropej ċentrali. Minkejja l-importanza ekonomika u ġeopolitika tar-reġjuni fil-periferija, dawn jiltaqgħu ma’ ħafna ostakli kemm f’termini strutturali, kif ukoll biex jiġu kkonsidrati fi ħdan l-istrutturi tal-politika tal-UE – speċjalment fejn huma kkonċernati gżejjer żgħar ħafna.
Għandi f’moħħi l-gżira ta’ Għawdex, li hija t-tieni l-akbar gżira fl-arċipelagu Malti. Gżejjer bħal Għawdex iridu mhux biss jegħlbu l-ostakli legali u amministrattivi li għandu kulħadd. Ikollhom jegħlbu wkoll ostakli fiżiċi li jaffettwaw direttament il-fluss tal-aktar prodotti u servizzi bażiċi,” qal Dr Sant lill-Parlament Ewropew.
Ir-riżoluzzjoni għaddiet b’594 voti favur, 58 kontra u 35 astensjoni – tirreferi għal reġjuni tal-fruntieri interni li jiġġeneraw kwart tal-PGD tal-UE u jirrappreżentaw 40% tat-terrirtorju tal-UE fejn jgħixu 150 miljun ruħ. Dawn ir-reġjuni għandhom ostakli li jfixklu t-tkabbir ekonomiku tagħhom, bħal xkiel legali u amministrattivi li jissarrfu f’inċertezzi legali (eż kwistjonijiet ta’ sigurta` soċjali, rikonoxximent ta’ diplomi jew ta’ kwalifiki oħra) għal ħaddiema u impjegati li jkollhom jaqsmu l-fruntiera biex jaħdmu, jew huma moqdija b’mod insuffiċjenti f’dak li għandu x’jaqsam ma’ trasport.