Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri fetaħ is-seminar bit-tema ‘Diffikultajiet fil-kitba u l-qari’ li ttella’ fil-Jum Ewropew għat-Terapija tad-Diskors u l-Lingwa. Fil-fatt, dan il-jum Ewropew inħoloq sabiex jiżdied l-għarfien dwar din il-professjoni.
Il-Ministru Clint Camilleri spjega li l-messaġġ dejjem kien wieħed ċar – li l-prevenzjoni ta’ diffikultajiet fil-komunikazzjoni tista’ tinkiseb billi jkun hemm għarfien u esperjenza madwar l-Ewropa. Fil-fatt, huwa qal li l-Ministeru dejjem jappoġġja dawn it-tip ta’ inizjattivi u, permezz ta’ EkoGħawdex, għen finanzjarjament sabiex dan is-seminar ikun organizzat għat-tieni sena konsekuttiva mill-Ispeech Language Unit.
Il-Ministru qal li, “kull sena, f’Malta u Għawdex, jingħataw mal-35,000 appuntament lil persuni li għandhom xi forma jew oħra ta’ diffikultà fil-komunikazzjoni. L-Ispeech Language Unit, fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, joffri s-servizz tal-lingwa u t-taħdit, mhux biss mill-Outpatients tal-isptar, imma wkoll fl-iskejjel kollha ta’ Għawdex.” F’Lulju tal-2018 beda jingħata s-servizz tal-lingwa u t-taħdit mill-Berġa tax-Xewkija. Dan is-servizz jikkumplimenta dak offrut mill-Ispeech Language Centre ġewwa Malta taħt il-Ministeru tas-Saħħa.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li dan il-jum huwa sinonimu ma’ kelma waħda importanti; ‘informazzjoni’, bl-għan li jiżdied l-għarfien ta’ kulħadd dwar il-problemi tal-lingwa u tal-komunikazzjoni, dwar ix-xogħol tal-Ispeech and Language Therapists u l-organizzazzjonijiet lokali.
Ritratti: MGOZ