Il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija Laburista fil-Parlament Ewropew Dr Alfred Sant qal li dawk eletti fil-Parlament Ewropew fl-2019 se jkollhom il-mandat demokratiku jivvotaw għall-pakkett finanzjarju wara l-kampanja elettorali u l-elezzjonijiet fl-istati membri tal-UE. Dr Sant qal li qbil fuq il-pakkett finali dwar il-baġit Ewropew 2021-2027 sa Mejju 2019 se jkun diffiċli u demokratikament dibattibbli.
Dr Sant irreaġixxa għal pakkett finanzjarju tal-UE li ġie ppreżentat fil-Parlament Ewropew mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker u l-Kummissarju tal-baġit Günther Oettinger.
Dr Sant qal li hemm fatturi kontradittorji fil-proposti tal-Kummissjoni Ewropea:
“Ġustament, il-KE qed turi t-tħassib għal ħofra mdaqqsa fil-baġit tal-UE bil-Brexit. Għal din ir-raġuni, ġie propost tnaqqas fl-infiq kruċjali ddedikat lil koeżjoni, kif ukoll l-agrikoltura.”
Dr Sant irrefera wkoll għal Fond tad-Difiża li jidher prominenti fost il-prijoritajiet ġodda biex jiġu ffinanzjati mill-UE.
“Għalkemm id-difiża hija u għandha tibqa’ l-kompetenza tal-istati membri, dan il-fond il-ġdid jista’ jispiċċa jiekol mill-fondi ta’ programmi tal-UE li ilhom stabbiliti. Huwa perikoluż
li tgħaqqad ir-riżorsi bbażati fuq it-taxxi komuni għall-Korporazzjonijiet (CCCTB) fi ftehim dwar il-Qafas Finanzjarju Multi-Annwali l-ġdid.”
Dr Sant qal li huwa ċar li ħafna pajjiżi huma kontra sistema f’livell Ewropew fil-qasam tat-tassazzjoni korporattiva. Din il-proposta tista’ twassal għal kunflitt jew għal staġnar. Il-qgħad, it-tibdil fil-klima u l-immigrazzjoni, issa se jibdew jiġu kkunsidrati bħala indikaturi rilevanti għall-allokazzjoni tal-fondi ta’ Koeżjoni. Imma l-pożizzjoni ġeografika tar-reġjuni, speċjalment tal-insularita`, ma għandhiex tiġi injorata, irrimarka l-MEP Malti.