Wara li ġie ppreżentat rikors b’talba għall-ħelsien mill-arrest, fil-każ ta’ Daniel Joe Meli, il-Qorti iddiferiet il-kawża għal jumejn oħra.
Meli, jinsab mixli b’reati relatati mal-użu ħażin tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-internet, bejgħ ta’ malware illegali fuq id-dark web, kif ukoll servizzi ta’ mentoring fuq dak li jissejjaħ ‘Hack Forum’.
Hu kien arrestat f’operazzjoni tal-Pulizija Maltija, assistiet minn investigazzjoni tal-FBI u sussegwentementi ntalbet l-estradizzjoni tiegħu lejn l-Amerka fejn qed jiffaċċja piena sa għomor il-ħabs.
Il-każ dwar it-talba għall-estradizzjoni lejn l-Istati Uniti taż-żagħżugħ reġa’ beda jinstema’, wara li l-Gvern għadda liġi ġdida relatata.
L-iżvilupp seħħ wara li l-ġuvni, permezz tal-Avukat tiegħu, dak iż-żmien id-Deputat Nazzjonalista Joe Giglio, kien aċċetta t-talba tal-Qorti Amerikana biex jiġi estradit u jiffaċċja l-akkużi n-naħa l-oħra tal-Atlantiku, anke jekk skont il-ġenituri tiegħu kien ingħata impressjoni żbaljata dwar dak li kien qed jistennih fl-Amerka.
Fl-istess seduta t-Tnejn filgħodu, quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana, il-Prosekuzzjoni ddikjarat li m’għandhiex aktar provi xi tressaq b’rabta mal-akkużi fil-konfront taż-żagħżugħ.