Rapport li sar mill-Professur Charles Farrugia, Kummissarju għall-Edukazzjoni, fi ħdan l-uffiċċju tal-Ombudsman wera kif hemm differenza ta’ 20% fir-rati ta’ suċċess fl-eżamijiet bejn tfal li għandhom ċerti kundizzjonijiet bħall-awtiżmu, l-ADHD u d-dyslexia u dawk li m’għandhomx.
Filwaqt li r-rata ta’ suċċess f’livell ta’ SEC u Matsec hi ta’ 60% għal dawk mingħajr kundizzjonijiet, tinżel għal 40% fil-każ ta’ dawk li għandhom xi kundizzjoni.
Ir-rapport tal-Professur Farrugia jgħid li s-sitwazzjoni hi tajba imma tista tkun aħjar u spjega li investiga wara li numru ta’ ġenituri ta’ tfal b’kundizzjonijiet għamlu ilmenti u kummenti dwar bidliet li hemm bżonn.
Filwaqt li rrikonoxxa li hemm passi li jieħu l-MATSEC bil-għan li jindirizza diffikultajiet qal li hemm passi li għandhom ikunu attwati minnufih. Fosthom li tintuża karta tal-eżami li ma tkunx bajda tleqq u b’tipa ikbar, li jagħmlu l-eżami f’post iktar kwiet u li jintużaw ukoll il-calculators.