Id-Deputat Nazzjonlista Bernice Bonello ħarġet tiftaħar tgħid li l-Partit Nazzjonalista kien jagħti siġġu liż-żgħażagħ fil-Kunsilli Lokali mingħajr lanqas biss ikunu jistgħu jivvutaw.
Hija qalet dan f’dibattitu li kellha fuq il-programm ‘XTRA’ fuq ix-xandir nazzjonali fejn bdiet tħanbaq tgħid li l-Partit Laburista fil-Gvern ma tax opportunitajiet liż-żgħażagħ.
Mistoqsija mill-ġurnalist Salvu Balzan, Bernice Bonello ħaditna lura fiż-żmien fejn bdiet tiftaħar bl-Ambaxxatur taż-Żgħażagħ, inizjattiva maħruġa minn Gvern Nazzjonalista li rat lil żgħażagħ jattendu laqgħat tal-Kunsill Lokali, mingħajr lanqas biss ikunu jistgħu jesprimu ruħhom dwar id-deċiżjonijiet li jittieħdu.
“Iż-żgħażagħ kienu jkollhom l-opportunità li jkunu parti mill-Kunsill Lokali, vera ma kienx jkollhom vot, imma kienu jkunu bilqegħda fuq is-siġġu”.
Bernice Bonella , Deputat Nazzjonalista
F’waqtha kienet it-tweġiba tal-Membru Parlamentari Laburista Cressida Galea, li bil-fatti wriet kif Gvern Laburista ta’ iktar opportunitajiet liż-żgħażagħ.
“Iż-żgħażagħ tajnihom l-opportunità li jsiru Sindki, li jinvolvu ruħhom b’mod dirett kif ukoll bil-vot tagħhom kemm tidħol elezzjoni ġenerali kif ukoll tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew. Hemm ukoll il-Youth Adivisory Forum, fejn żgħażagħ ikunu parteċipi f’diversi temi”.
Cressida Galea, Membru Parlamentari Laburista
Fl-istess programm ħadet sehem ukoll id-Deputat Nazzjonalista Eve Borg Bonello li kompliet bl-istess retorika Nazzjonalista li tgħid liż-żgħażagħ qed jitilqu minn Malta.
Retorika li spiċċat inġiebet fix-xejn mill-Factchecker tat-Times li wera kif iż-żgħażagħ ta’ bejn il-15 u d-29 sena aktar qed jirritornaw lura milli jħallu pajjiżna.
Quddiem din l-ispin u l-gidba li tipprova timmonta l-Oppożizzjoni, pronta kienet ir-risposta tad-Deputat Laburista Alex Muscat.
“U din gimmick ta imma”
Alex Muscat, Deputat Laburista
“Kollox gimmick għallikom”
“Waqqatilkom l-argument kompletament, ħafna iktar żgħażagħ qed jiġu lura Malta minħabba l-opportunità li joffri pajjiżna milli qed joħorġu”.
Quddiem l-intervent tad-Deputat Laburista, li kompla jwaqqa’ l-argumenti tad-Deputati ta’ Bernard Grech, Eve Borg Bonello ppruvat tagħmel minn kollox biex tipprova tiġbor ġieħha.
“Tinkwetax nibla’ l-kliem jien”
Eve Borg Bonello, Deputat Nazzjonalista
Iżda wara lid-Deputati Laburista ġabu fix-xejn l-argumenti tal-Partit ta’ Bernard Grech, Eve Borg Bonello preferiet li jkollha dibattitu mal-Ministru għal-Edukazzjoni u ż-Żgħażagħ.
Eve Borġ Bonello: “Kieku xtaqt li niddibatti mal-Ministru għaż-Żgħażagħ, naf li Bernice kellha opportunità, imma minflok għandna lil Alex Muscat.”
Salvu Balzan: “Skużi, l-istediniet nagħmilhom jien.”