Nhar is-Sibt li ġej, il-poplu Malti u Għawdxi għandu jivvota lill-Partit Laburista għaliex qed joffri futur isbaħ imsejjes fuq elf proposta u track record li jagħtih kredibilità li jwettaq.
Kien dan il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela fl-aħħar dibattitu politiku mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech qabel jum il-votazzjoni s-Sibt li ġej.
Tul dan id-dibattitu fuq ix-xandir nazzjonali, il-Prim Ministru reġa’ wera li huwa mexxej b’viżjoni għal futur, bi kredibilità li jwettaq dak li jwiegħed anki fl-iktar żminijiet diffiċli għall-pajjiż.
Min-naħa l-oħra, Bernard Grech reġa’ ħela opportunità oħra biex juri l-pjan tiegħu għall-ġejjieni u għamel dibattitu mimli attakki personali fil-konfront tal-Prim Ministru u b’dikjarazzjonijiet li juru li jrid jieħu lil Malta fil-passat.
“Għadna kif smajna Kap tal-Oppożizzjoni li kompla fuq fejn beda ħames ġimgħat ilu li flok jiffoka l-enerġija tiegħu fuq il-proposti dwar kif se jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies, flok iffoka fuq in-nies, reġa’ moħħu f’Robert Abela. Ejja niffukaw fuq il-futur tan-nies għax is-Sibt in-nies iridu jiddeċiedu dwar il-futur tagħhom, tat-tfal tagħhom u tal-pajjiż. Kompetenza u kredibilità. Dak li l-Gvern immexxi minni offra lill-pajjiż fl-aħħar sentejn li ma kienu faċli xejn b’pandemija, kriżi ta’ saħħa imma wkoll ekonomika u soċjali.”
Robert Abela – Prim Ministru
Meta tkellem dwar is-settur tas-saħħa, li għandu diversi ċertifikat pożittivi anki minn organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u l-Kummissjoni Elettorali, il-Prim Ministru spjega l-viżjoni tiegħu biex is-servizzi f’dan is-settur ikomplu jissaħħu.
“Ir-riforma li bi ħsiebna nkomplu nagħmlu dejjem jiċċentraw mal-prinċipju tal-kredibilità. Jekk hux qed nitkellmu fuq il-kura preventiva, focus ewlieni tal-Gvern immexxi minni jekk ningħata l-fiduċja, ħa nkunu qed innaqqsu l-età tal-iscreening tal-kanċer tas-sider, se nwessgħu t-testing tal-kanċer tal-prostata u tal-pulmun, imbagħad riforma kbira fil-qasam tas-saħħa mentali.”
Robert Abela – Prim Ministru
Robert Abela kompla jispjega l-viżjoni tiegħu għal futur isbaħ għal dan il-pajjiż, b’miżuri li jaħsbu f’kulħadd f’kull faxxa tas-soċjetà.
Semma fost l-oħrajn il-pensjonanti, li se jiżdiedu bi ħmistax-il ewro oħra fil-ġimgħa flimkien mal-mekkaniżmu sħiħ tal-COLA.
Hawnhekk Bernard Grech kien mistieden isemmi b’kemm se jiżdiedu l-pensjonanti, iżda għal darb oħra, reġa’ naqas milli jagħmel dan.
“Mal-Oppożizzjoni, il-pensjonanti ma jafux fejn qegħdin u nistiednek Sur Kap tal-Oppożizzjoni, tgħid lill-pensjonanti forsi issa għall-ewwel darba għax fil-manifesti tagħkom m’hemm xejn, kemm se tkunu qed iżżidu l-pensjonijiet għax fil-manifest tagħkom lanqas il-mekkaniżmu sħiħ tal-COLA m’intom se ttuhom lill-pensjonanti tagħna.”
Robert Abela – Prim Ministru
Dr Abela temm dan id-dibattitu bl-istess mod kif bdieh; billi kompla jispjega l-viżjoni tal-Partit Laburista biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna.
“Biex dan kollu jkun possibbli, biex l-elf proposta jsiru elf kisba għal pajjiżna, nhar is-Sibt trid tmur tivvota għal din l-elf proposta. Nifhem li għad hemm min huwa indeċiż dwar x’se jagħmel nhar is-Sibt. Id-deċiżjoni se tittieħed u nemmen li għandek tkun inti li tiddeċiedi dwarek, dwar il-futur tat-tfal, dwar il-futur tal-familja u dwar il-futur ta’ pajjiżek. Fuq kollox, il-pjan tagħna huwa wieħed ċar, magħna tafu fejn qegħdin. Qed nippreżentawh biex ikollna Malta isbaħ, opportunitajiet aħjar għal kulħadd u Malta bi kwalità ta’ ħajja aħjar. Il-futur f’idejk.”
Robert Abela – Prim Ministru