Ġimgħat twal tqaddes fi knisja mingħajr ruħ kienet esperjenza ta’ dieqa.
Dan kien is-sentiment tal-Patri Franġiskan Joseph Magro li stqarr li r-ruħ tal-knisja hija n-nies.
Ftit tal-jiem ilu tħabbar li fil-knejjes jistgħu jsiru l-funerali b’regoli stretti fosthom li ma jistgħux jattendu aktar minn għoxrin persuna.
Bi tbissima fuq fommu, il-Patri Franġiskan qal li l-knejjes jinsabu fuq ix-xwiek biex jaraw il-knisja terġa’ tieħu r-ruħ.
“Sensazzjoni li hija sabiħa ħafna. Konna ilna nistennew xi ħaġa, li tiġri xi ħaġa u issa li almenu ftaħna b’ħafna restrizzjonijiet, ftit nies imma l-fatt li inti ħa tiftaħ u ħa tibda tagħti servizz lin-nies mill-ġdid b’mod personali, b’mod preżenti fiżiku hija xi ħaġa li timlina b’ħafna kuraġġ.”
Fi knisja vojta, bħalissa minflok erbgħa u sebgħin bank hemm biss erbgħin. B’Patri Joseph qiegħed iħares ‘il quddiem għal meta l-knisja tkun tista’ tilqa’ l-komunità kollha fi ħdanha.
“Bħalissa l-funerali għoxrin ruħ, jekk nimla żewġ metri u nofs, il-knisja kollha kif qiegħda bħalissa tesa’ ‘l fuq minn sittin. Tgħid almenu għandek sittin ruħ b’2.5 meters ‘il bogħod minn xulxin, almenu bdejt tiċċaqlaq naqra. Allura nittamaw li ‘l quddiem tinfetaħ anki għal nies u kuljum.”
Il-Patri Franġiskan temm jgħidilna li sal-aħħar ta’ din il-Ġimgħa l-knisja tkun preparata biżżejjed b’tagħmir protettiv biex tħejji l-funerali.